Awdjo: “Kont immur Paceville, imma ma kontx inħoss il-veru paċi”

Aaron Zahra, żagħżugħ ta’ 28 sena li se jiġi ordnat Djaknu qal li meta kien iħares lejn il-ħajja saċerdotali kien jara muntanja quddiemu.
Ma’ Newsbook.com.mt Aaron, li bħalissa jinsab l-Irlanda jkompli bl-istudji tiegħu, qal li huwa kienu jgħix ħajja bħal kull żagħżugħ ieħor, kien imur Paceville u kien jaħdem.
Spjega li kien jirrealizza li f’ħajtu ma għandux il-veru ferħ u paċi.
Aaron li ġej mill-Parroċċa Djoċesana ta’ Marsaxlokk, spjega li fil-Parroċċa tiegħu kienu jmorru d-Dumnikani jipprittkaw u kien jinteressa ruħu fil-ħajja ta’ San Duminku u ta’ Santa Katerina ta’ Siena.
 Fl-2009 huwa mar Pompej u waqt li kien qed jitlob ir-rużarju ħass li għandu jieħu deċiżjoni u jikkonsidra s-sejħa għall-ħajja saċerdotali u reliġjuża fi ħdan l-Ordni Dumnikan.
Qal li bħal kulħadd, il-patrijiet ikollhom il-problemi imma l-komunità hija sabiħa u tifformak u tgħinek titgħallem minn xulxin.
“Xogħol id-djaknu huwa li jkun qaddej bħal Kristu”
Aaron spjega li bħalma Kristu ġie fid-dinja biex jaqdi, il-ħidma tad-djakonat hi li jkun qaddej bħal Kristu.
Spjega li d-Djakonat jagħtik il-karattru ta’ qaddej biex jaqdi lil Alla fuq l-altar, jaqdi lill-foqra u lill-imġarrbin.
“Alla jagħtina l-għajnuna u l-grazzja meħtieġa”
Aaron appella liż-żgħażagħ li qed iħossu s-sejħa għal ħajja saċerdotali biex ma jaqgħtux qalbhom għax Alla jagħtihom l-għajnuna u l-grazzja meħtieġa biex jimxu t-triq saċerdotali.
Aaron Zahra se jiġi ordnat Djaknu mill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju, fis-Santwarju tal-Madonna tal-Għar u San Duminku, ir-Rabat fis-6:30p.m.
L-Ordinazzjoni se tkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tal-Ordni Dumnikan f’Malta.
Din is-sena l-Ordni tal-Predikaturi qiegħed jiċċelebra t-800 sena mill-approvazzjoni tiegħu.