“Kont iddisprat fil-ħabs sakemm kelli żjara 3 xhur wara”

Eks-resident fid-dar Osanna Pia tas-Sależjani jirrakkonta kif ma jridx jemmen li ilu 25 sena li wasal Malta. Fuq Facebook, ir-raġel jgħid li kellu biss 17 il-sena meta telaq minn pajjiżu. Jgħid li ma kienx faċli għalih li jitlaq għax ma kellux il-flus. Jgħid li kien minn familja fqira u kien jaħdem bħala sajjied. Sa fl-aħħar, jgħid li rnexxielu jirkeb fuq vapur li kien sejjer l-Olanda. Fi triqtu l-vapur waqaf Malta għall-fuel. Ħaseb li l-vapur kien wasal Malta u niżel minn fuqu mingħajr ma kien jaf fejn kien…u spiċċa Bormla.

Jgħid li wara jumejn iddeċieda jimxi lejn post ieħor. F’Ħaż Żabbar iltaqa’ ma’ grupp ġuvintur u tfajliet u talabhom għall-għajnuna. Taw ftit ikel u wieħed minnhom offrielu joqgħod ġo kamra li missieru kellu f’għalqa. Beda jqatta’ l-ħin ma’ dawn iż-żagħżagħ. Imma ftit jiem wara, f’nofs ta’ lejl, il-pulizija għamlu rejd u kellhom jaħarbu. Qalulu li tnejn mit-tfajliet kienu qed jieħdu d-droga, u għalih din kienet l-ewwel darba li sema’ din il-kelma. Arrestawhom kollha u nterrogawhom fid-depot. Minħabba li ma kellux dokumenti, ġie arrestat għal tliet ijiem u wara ħaduh il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Kien perjodu diffiċli u s-sitwazzjoni kienet iddisprata sa ma kellu żjara tliet xhur wara. Grupp ta’ studenti mill-università marru jżuruh flimkien mal-professur tagħhom. Kellmuh bħallikieku kien ħabib tagħhom u mhux bħala ħabsi. Wiegħduh ukoll li kienu se jġibulu d-dokumenti meħtieġa minn pajjiżu. Wieħed mill-istudenti kien jaf lil Fr Savio, saċerdot Sależjan, u qallu bis-sitwazzjoni tiegħu. Fr Savio beda jżuru b’mod regolari.

L-istudenti rnexxielhom iġibu l-firem li kellhom bżonn u bl-appoġġ ta’ Fr Savio u l-komunità tas-Sależjani, inħeles mill-ħabs. Fr Savio irranġa biex ikun jista’ joqgħod f’Savio College. Is-Sależjani ma damux ma saru l-familja ġdida tiegħu. Il-komunità laqgħetu ħafna u għenitu jintegra fis-soċjetà. Is-Sależjani ħallew jattendi għal-lezzjonijiet sabiex itejjeb l-edukazzjoni tiegħu. Il-komunità kompliet tgħinu biex kiseb il-permess biex jaħdem Malta. Baqgħu jgħinuh sakemm seta’ jgħix għal rasu. Sab xogħol u rnexxielu jikri post fejn joqgħod.

Jgħid li baqa’ f’kuntatt mas-Sależjani, anke meta mar joqgħod għal rasu. Jispjega li jħoss li għandu dejn kbir ma’ Fr Savio li appoġġjah tul il-vjaġġ kollu u jqisu bħala missieru. Jgħid li imbagħad iltaqa’ ma’ tfajla, ħabbew lil xulxin u żżewwġu u llum għandhom erbat itfal. Ikompli jispjega li jirringrazzja lil Alla għal dak kollu li pprovdielu f’ħajtu. Jgħid li sejjer tajjeb u għandu dar sabiħa fejn jgħix mal-familja tiegħu. Jgħid li jipprova jgħin ukoll lill-ħutu li għadhom f’pajjiżu, filwaqt li jrabbi lill-uliedu biex ikunu aħjar minnu. Itenni li qatt ma seta’ jikseb dan kollu f’ħajtu li mhux għall-għajnuna tal-komunità Sależjana, b’mod speċjali Fr Savio li dejjem kien hemm għalih.