Kont Għawdex bil-moħbi biex lestejt l-album li ħiereġ dalwaqt – Johnny Logan

Il-kantant Johnny Logan ftit tal-ġimgħat ilu kien bil-moħbi Għawdex biex jaħrab mill-ħajja mgħaġġla tiegħu u b’hekk irnexxielu jispiċċa x-xogħol fuq l-album li se jniedi ftit tal-jiem oħra.
Dan ifisser li l-album li Logan se joħroġ dalwaqt kien ispirat mill-gżejjer tagħna.
Dan ħareġ minn intervista waqt il-kwizz t’Għomru qasir fuq RTK ma’ Robert Cefai, ħabib qrib ħafna ta’ Johnny Logan.
Cefai irrakkonta li kull meta l-kantant ikun f’pajjiżna, iħobb juża ħafna l-karozza tal-linja. “Dan juri kemm il-kantant huwa modest u umli minkejja l-fama internazzjonali li jgawdi mużikalment” spjega Cefai.
Logan irnexxielu jirbaħ tliet edizzjonijiet tal-Eurovision Song Contest. Rebaħ darbtejn bħala kantant b’ What’s another year (1980) u Hold me now (1987). It-tielet darba imbagħad rebaħ bħala kompożitur tal-kanzunetta Why Me (1991) kantata minn Linda Martin.
Minħabba f’hekk sa llum ħafna għadhom jirreferu għalih bħala Mr. Eurovision.