Konsulti mediċi offruti online 24 siegħa kuljum

Fl-aħħar xhur, il-kura primarja bdiet tagħti servizz online permezz ta’ telemedicine. Dan huwa kunċett ġdid li, bis-saħħa tiegħu, il-konsulta medika bdiet issir permezz ta’ forom differenti ta’ komunikazzjoni bħal Skype u Zoom.

Waqt li żar lit-tobba li qegħdin imexxu dan il-kunċett ġdid, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-pandemija wasslet biex jinħolqu sistemi aktar innovattivi kif il-pazjenti jistgħu jkollhom kuntatt mat-tobba mingħajr ma bilfors jiltaqgħu fiżikament.

Dan is-servizz qiegħed mifrux ma’ Malta u Għawdex kollha u qiegħed jingħata servizz 24 siegħa kuljum. Il-klijenti tal-kura primarja l-ewwel jaqbdu mal-Client Support Centre li huwa l-ewwel kuntatt li jkollhom. Dawk il-persuni li jkollhom bżonn pariri mediċi jiġu mgħoddija lit-Telemedicine Centre, li huwa mħaddem ukoll 24 siegħa kuljum minn grupp ta’ tobba tal-familja.

It-tobba li jaħdmu f’dan iċ-ċentru huma responsabbli biex jagħtu l-pariri mediċi lill-pazjenti u jekk hemm bżonn jibagħtu fid-dar tal-pazjent tobba miċ-Ċentri tas-Saħħa. It-tobba fi ħdan it-Telemedicine Centre kienu wkoll qed iżommu kuntatt dirett ma’ persuni li kellhom il-Covid-19 li ma kellhomx bżonn jkunu l-isptar.

Il-Ministru għas-Saħħa qal li, “Huwa ta’ sodisfazzjoni li dan il-kunċett ġdid fi ftit xhur għamlu użu minnu ’l fuq minn 15,000 persuna, minbarra l-persuni pożittivi li kellna tal-Covid-19 li wkoll baqgħu jiġu segwiti permezz tat-tobba tat-Telemedicine.”