Konsultazzjoni pubblika għall-iżvilupp ta’ Pace Grasso f’Raħal Ġdid

Il-MEPA ppubblikat għall-konsultazzjoni pubblika, il-proposti għaż-żona ta’ Pace Grasso f’Raħal Ġdid.
Filwaqt li tittieħed f’kunsiderazzjoni l-viżjoni tal-Gvern għaż-żona, l-Awtorità qed tara li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċentru għall-komunità f’żona urbana bi prijorità għal spazji pubbliċi miftuħa u servizzi tas-saħħa u servizzi oħra għal persuni bi bżonnijiet speċjali.
Is-sit li huwa madwar 20,000 metru kwadru qed jinqasam f’erba’ partijiet, li jiġu allokati għal servizzi tas-saħħa, soċjali, kummerċjali u l-isport.
Il-maġġorparti tal-art mistenni li tiġi żviluppata fi spazju miftuħ bi ġnien li jipprovdi pulmun ġdid għall-inħawi li huma ferm mibnija.
Taħt dan l-ispazju miftuħ se jinbena parkeġġ għal 350 karozza.
Fil-preżent, f’Pace Grasso hemm ġnien, klabb tal-boċċi u grawnd tal-futbol mitluq li ġieli jintuża għall-parkeġġ. Il-MEPA qed tistieden lil dawk kollha interessati biex jibgħatu l-kummenti tagħhom bil-kitba sa nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju jew b’imejl fl-indirizz elettroniku pacegrasso.smlp@mepa.org.mt. L-abbozz u l-mappa għas-sottomissjonijiet jinsabu fis-sit elettroniku tal-Awtorità.