Konsultazzjoni pubblika dwar skema nazzjonali ta’ riċiklaġġ tal-fliexken

Il-Ministeru għall-Ambjent nieda konsultazzjoni pubblika bi preparament għal skema nazzjonali ta’ riċiklar ta’ fliexken tal-plastik jew bottijiet sal-2019.
Jekk tkun implimentata, is-sistema se tkun qed taħdem billi tagħti 10ċ lura lil dak li jkun ta’ kull flixkun tal-plastik li jirriċikla f’waħda minn 350 magna apposta mpoġġija madwar Malta u Għawdex.
L-10ċ msemmija se jibda jżidhom mal-prezz il-produttur, liema ammont jgħaddih fuq il-bejjiegħa, li mbagħad jgħadduh għal fuq il-konsumatur. Dan ifisser li l-prezz tax-xarba li tkun se jogħla b’10ċ.
Madankollu, wieħed imbagħad imur f’dan il-magni, jitfa’ l-fliexken tal-plastik jew bottijiet, imbagħad jingħata l-flus.
Kull produttur se jkun obbligat li jieħu sehem f’din l-iskema, u jrid jipprintja logo speċifiku għal Malta li juri x’tip ta’ flixkun ikun qed jiġi ddepożitat fil-magni.
Il-biċċa tal-logo hi importanti sabiex is-sistema tkun taf x’tip ta’ flixkun ikun iddepożitat, u anki biex jitnaqqas ir-riskju ta’ frodi jew serq meta flixkun jew bott jgħaddi minn pajjiż għal ieħor.
Min-naħa tal-bejjiegħa, kull ħanut kbir minn tal-inqas 150 metru kwadru jrid ikollu magna tal-fliexken fil-ħanut. Għal kull 1,000 flixkun iddepożitat il-ħanut jirċievi €4.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Jose Herrera rrimarka kif f’Malta 14% biss tal-fliexken tal-plastik u 4% tal-bottijiet tal-landa jiġu rriċiklati. Dan ifisser li Malta għadha ’l bogħod ħafna milli tilħaq il-miri tal-EU għar-riċiklaġġ.
Sippost sal-2020 Malta kellha tilħaq il-livell ta’ 50% riċiklaġġ, iżda l-pjan kellu jitmexxa għall-2025. Sal-2030 il-livell irid jilħaq 60% riċiklaġġ.
Herrera qal li l-iskema se tgħin biex tibdel il-mentalita tal-Maltin, u ġġegħelhom jirrealizzaw li teħel il-flus jekk tħammeġ jew ma tirriċiklax.
Preżenti kien hemm konsulent tal-Ministeru, li qal li jridu jaraw ukoll kif se tkun is-sistema tal-flus, minħabba li magni bil-flus fihom fit-triq jistgħu jkunu oġġett għal serq.
Aktarx ikun hemm sistema ta’ vawċers.
Il-fliexken tajbin għall-magni huma tal-ilma, juices, ciders, birra, luminata u alkoħol sa livell t’10%. Il-likwidu jrid ikun ġo kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew, fliexken tal-ħġieġ, jew bottijiet tal-landa.
"Nilqgħu din l-inizjattiva" – GreenPak
Min-naħa tagħha l-GreenPak qalet fi stqarrija li tilqa' l-konsultazzjoni pubblika tal-Gvern, u nnutat li l-Gvern diġà uża ideat li pproponiet fil-passat.
Qalet li se tkompli toħroġ b'ideat ġodda biex tipproponihom lill-Gvern.
Madankollu fakkret li r-riċiklaġġ tal-plastik, il-ħġieġ jew l-aluminju jmur ferm lil hinn mill-fliexken biss.
Is-sena l-oħra GreenPak ġabret madwar 60% tal-plastik fis-suq mingħand l-1,600 kumpanija li ssapportjat l-inizjattiva tagħhom.