Konsultazzjoni pubblika dwar l-innovazzjoni diġitali

Għadha kemm bdiet konsultazzjoni pubblika sabiex titwaqqaf Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali sabiex tibda tieħu ħsieb iċ-ċertifikazzjoni ta’ pjattaformi relatati ma’ Distributed Ledger Technology u ta’ dawk li joffru servizz f’dan il-qasam.
Il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa sad-9 ta’ Marzu.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, Silvio Schembri, fejn spjega li dan il-qafas legali se jkun qed joffri ċertezza legali għal spazju li bħalissa mhuwiex irregolat, speċjalment fejn tidħol l-awtorizzazzjoni, il-personalità legali u l-mod kif tkun implimentata l-liġi fi smart contracts.
Is-Segretarju Parlamentari spjega kif dan il-qafas legali qed jipproponi l-ħolqien t’Awtorità għall-Innovazzjoni u l-Qasam Diġitali, reġistrazzjoni volontorja għal dawk li joffru servizz f’dan il-qasam, u ċ-ċertifikazzjoni ta’ pjattaformi ta’ DLT u dawk relatati ma’ smart contracts bħala arranġamenti teknoloġiċi.
Schembri qed jipproponi tliet passi:

  1. Li tkun imwaqqfa l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali,
  2. li tiġi segwita minn abbozz għal qafas legali għar-reġistrazzjoni ta’ dawk li joffru servizzi bl-użu ta’ din it-teknoloġija u ċ-ċertifikazzjoni ta’ arranġamenti teknoloġiċi,
  3. u abbozz li joffri qafas għal ICOs u reġim regolatorju fuq servizzi relatati ma’ VCs (virtual currencies).

Jekk trid taċċessa l-konsultazzjoni pubblika tista’ tagħmel dan billi tafgħas hawn.
Ritratt: DOI – Jason Borg