Konsultazzjoni pubblika biex iċ-ċiklisti jkunu aħjar

Meta nieda kompetizzjonijiet fi ħdan il-Ġimgħa Ewropea għall-Mobbiltà, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li l-Gvern dalwaqt se jniedi konsultazzjoni pubblika għall-politika għaċ-ċikliżmu u li toqgħod mat-tema li ngħatat lil din il-ġimgħa annwali li hi Mix and Move favur kunċett ta’ trasport intermodal.

Semma d-diversi inizjattivi tal-Gvern fosthom vetturi elettriċi, muturi żgħar u roti, ir-regolazzjoni tas-suq tal-bike sharing, il-ftehim li sar għas-servizz ta’ car sharing b’karozzi elettriċi u l-investiment u t-titjib kontinwu fis-servizz tat-trasport pubbliku.

Huwa qal li f’dan is-settur diġà kien hemm l-estensjoni ta’ tallinja card għall-użu tal-ferries, investiment li se jsir fil-ferry landing sites, l-għotja ta’ trasport pubbliku b’xejn għaż-żgħażagħ kollha bejn is-16 u l-20 sena u l-proġett pilota ta’ WiFi b’xejn fuq 50 karozza tal-linja.

Huwa qal li l-Ġimgħa Ewropea għall-Mobbiltà ta’ din is-sena se tiġi ċċelebrata uffiċjalment bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru 2018.

Il-Kummissjoni Ewropea estendiet il-kampanja permezz tat-tikketta MobilityAction biex tippromwovi l-inizjattivi normalment marbutin ma’ din il-ġimgħa biex ikomplu jiġu implimentati matul is-sena kollha.

Il-Ministru nieda żewġ kompetizzjonijiet differenti. L-ewwel kompetizzjoni hi miftuħa għall-kunsilli lokali u għall-għaqdiet mhux governattivi għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet relatati ma’ mobbiltà sostenibbli għal matul il-Ġimgħa Ewropea għall-Mobbiltà. Kull rebbieħ jista’ jieħu bejn €1,500 u €2,500 u l-kompetizzjoni tindirizza primarjament l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet relatati ma’ dan il-prinċipju (fosthom il-car free day).

It-tieni kompetizzjoni hi ikbar u miftuħa għall-kunsilli lokali biex jipproponu miżuri permanenti għall-mobbiltà sostenibbli li jridu jiġu implimentati bejn Ottubru 2018 u Settembru 2019. Ir-rebbieħ jieħu sa €51,500 u min jiġi t-tieni jista’ jieħu sa €31,500. L-għan tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà hu li titrawwem idea ta’ pjanar strateġiku fit-tul fil-livell ta’ lokalità fil-qasam tat-trasport sostenibbli.

Din is-sena l-kompetizzjoni reġgħet hi abbinata mal-proġett Civitas Destinations. Il-proposti jridu jkunu relatati ma’ mobbiltà nadifa, skemi ta’ mobbiltà kollettiva, immaniġġjar aħjar tat-traffiku permezz ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport u implimentazzjoni ta’ żoni pedonali jew semi-pedonali favur il-promozzjoni tat-toroq bħala spazju maqsum. Il-kriterji se jiġu ppubblikati u se jintbagħtu lill-applikanti eliġibbli.

Bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għall-Mobbiltà, din is-sena se terġa’ tiġi organizzata n-National Bicycle Ride fil-21 ta’ Settembru kif ukoll in-National Car Free Dayfit-22 ta’ Settembru li din id-darba se tiġi organizzata mal-kunsilli ta’ Tas-Sliema u  tal-Ġżira.