Konsultazzjoni pompi tal-petrol: Titnieda verżjoni aktar restrettiva – PA

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) reġgħet ħarġet politika dwar il-pompi tal-petrol għall-konsultazzjoni pubblika. L-aħħar verżjoni tal-qafas tinkludi numru ta’ tibdiliet li l-PA tħoss li se jagħmluha aktar restrittiva biex pompi ġodda jingħataw permess tal-ippjanar.

Fi stqarrija, il-PA qalet li dan qed isir wara li rċeviet għadd ta’ sottomissjonijiet waqt l-aħħar konsultazzjoni pubblika li saret f’April.

Waħda mill-emendi introdotti tgħid li biex pompa eżistenti tingħata permess biex tiġi relokata trid tkun għadha taħdem saż-żmien li fih issir l-applikazzjoni tal-iżvilupp.

Konsultazzjoni pompi tal-petrol: Ċans li l-PA tikkunsidra art ODZ

Regola oħra tgħid li l-pompi eżistenti jridu jkunu qed joħolqu impatt negattiv fuq is-sigurtà u t-trasport biex jiġu relokati.

Il-PA qalet li l-qafas l-ġdid se jkun qed japplikaw wkoll għal dawk l-applikazzjonijiet li diġà ġew sottomessi imma li għadhom ma ġewx determinati.

Biex jiġi kkunsidrat sit barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ), is-sit irid ikun kopert b’permess tal-iżvilupp. Inkella s-sit irid ikun kommess bi żvilupp li sar qabel l-1967.

Jekk pompa tkun se tinbena f’art ODZ, ma tistax tkun akbar mis-sit kommess jew akbar minn 1,000 metru kwadru.

Dawk li jixtiequ jibgħatu s-sottomissjonijiet tagħhom dwar il-qafas il-ġdid jistgħu jibgħatu email fuq fssp_review@pa.org.mt sal-1 ta’ Novembru.

Wieħed jista’ jaqra l-politika minn hawn: