Konsultazzjoni dwar l-integrazzjoni tal-politika marittima

Is-Segretarju Parlamentari José Herrera vara l-proċess ta’ konsultazzjoni fuq il-politika integrata tal-Marittimu.
Herrera qal li studju riċenti wera li 15.4% tal-ekonomija hija dipendenti mis-settur marittimu, li qed jipprovdi ‘l fuq minn 20,000 post tax-xogħol b’valur ta’ kważi 600 miljun.
José Herrera qal li hemm potenzjal f’dan is-settur li għadu ma ġiex esplorat li huwa t-tkabbir fl-ekonomija blu.
Is-Segretarju Parlamentari qal li d-dokument ta’ konsultazzjoni jiddentifika żoni ġodda ta’ żvilupp, u jpoġġi triq ’l quddiem għal dan is-settur.
Herrera qal li madanakollu hemm ukoll oqsma kruċjali oħra li rridu nagħtu kashom bħat-tiswija tal-vapuri, it-transport, is-sajd u l-faċilitajiet tal-offshore.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dan il-proċess qed jipproponi li jiddaħlu miżuri fil-qafas legali sabiex jerġa jiġi attirat il-litiġju marittimu biex jissaħħaħ ċ-ċentru tal-arbitraġġ Malti u tiġi esplorata l-possibbiltà li terġa’ titwaqqaf il-Qorti Marittima.

Ritratt: DOI – Martin Attard