Konsulenti tal-Papa jikkritikaw Kattoliċi konservattivi Amerikani

Żewġ konsulenti tal-Papa kkritikaw Kattoliċi konservattivi Amerikani u akkużawhom li qed jipprattikaw politika tal-apokalissi.
F’artiklu ppublikat ftit jiem ilu, Fr Antonio Spadaro SJ, l-editur tal-ġurnal teoloġiku tal-Ġiżwiti, Civiltà Cattolica, u Marcelo Figueroa, mexxej protestant li ħadem mill-qrib ma’ Franġisku f’Buenos Aires, tkellmu dwar “ekumeniżmu ta’ mibegħda” bejn l-Evanġilisti tal-lemin u xi Kattoliċi konservattivi.
B’mod partikolari, l-awturi, li huma ħbieb u kollaboraturi tal-Papa Franġisku, jakkużaw lis-sit konservattiv Amerikan, Church Militant, li qed “juża simboli Kattoliċi biex jimponi lilu nnifsu,” li iżda fil-fatt hi biss “esplojtazzjoni” tal-lingwaġġ reliġjuż.
Fr Spadaro huwa fost l-iktar teoloġiċi u kittieba rispettati fl-Italja u Figueroa intgħażel biex imexxi s-sezzjoni tal-Arġentina tal-gazzetta tal-Vatikan, Osservatore Romano.
“Għaqda problematika” ta’ politika, morali u reliġjon 
Fil-kitba tagħhom, l-awturi jikkundannaw dik li jsejħu “għaqda problematika” ta’ politika, morali u reliġjon fl-Amerika tal-Lemin. Jikkritikaw il-lingwaġġ li “jaqsam ir-realtà bejn it-Tajjeb assolut u l-Ħażin assolut” u li ppenetra l-elementi estremi tal-konservazzjoniżmu modern.
Jorbtu dan il-lingwaġġ (Manichaeism) mal-ħatra ta’ Donald Trump, li qed ikompli jgawdi l-appoġġ ta’ ħafna Evanġelisti tal-lemin u xi Kattoliċi.
Jikkritikaw il-biżgħa mill-modern
Fr Spadaro u Figueroa jiddeskrivu l-ideoloġija tal-biżgħa mill-modern, dik li “tneħħi mill-kuntest” interpretazzjonijiet tal-Bibbja li wasslu lill- Evangelisti tal-lemin u xi Kattoliċi biex jitkellmu dwar “ir-rebħa u d-difiża tal-‘art imwiegħda’” li hi l-Amerka u l-“istil ta’ ħajja” tagħha.
Fl-artiklu, jargumentaw li din id-difiża tfisser l-istmerrija u d-demonizzazzjoni tal-“immigranti u l-Musulmani,” li jagħmlu l-ksenofobija u l-Iżlamofobija dimensjonijiet fundamentali ta’ din il-mentalità ġdida. 
Kelliema għal Church Militant, Catherine Niles qalet ma’ the Tablet, li Fr Spadaro u Figueroa huma “żbaljati fil-valutazzjoni tagħhom” u li “aħna niċħduhom kompletament.” Iddeskriviet l-artiklu dwar is-sit tagħhom bħala “karikatura.”