Konsulenti f’Mater Dei favur li jieqfu t-titjiriet mit-Tramuntana tal-Italja – MAM

Aġġornat 01:46 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-konsulenti kollha tad-Dipartiment tal-Mediċina ta’ Mater Dei huma favur li jieqfu t-titjiriet mit-Tramuntana tal-Italja, skont l-Assoċjazzjoni Medika Maltija.

Fi stqarrija l-MAM qalet li l-Gvern Taljan iddikjara r-reġjun tal-Lombardija u 14-il provinċja fit-Tramuntana tal-Italja bħala żona ta’ kwarantina fejn in-nies ma jistgħux jivvjaġġax mingħajr permess speċjali.

Dan ġie ordnat peress li s-sitwazzjoni fl-Italja saret aktar gravi fit-tifrix tal-epidemija. Hemm mijiet ta’ persuni f’kura intensiva.

“L-Italja qed timxi lejn sitwazzjoni li diġà rajna fiċ-Ċina fejn l-unika rimedju kien lockdown totali,” qalet il-MAM.

Skont il-MAM, il-falliment tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex tirrakkomanda travel bans irriżulta f’pandemija globali.

“It-tliet każijiet f’Malta huma r-riżultat ta’ familja li marret lejn it-Tramuntana tal-Italja minkejja l-pariri li ngħataw biex dan ma jsirx. Filwaqt li l-familja għandha xorti tajba li ma marditx b’mod qalil, mhux kulħadd se jkun daqstant ixxurtjat. Ħolqu riskju gravi għal kulħadd minn nofs miljun persuni li jgħixu Malta,” qalet il-MAM.

Il-MAM appellat lill-Gvern biex jimponi kwarantina mandatorja għal min ikun ġej minn ibliet oħra Taljani.

Il-MAM qalet li jekk il-Gvern ma jismax minnha, lesta tieħu kull miżura neċessarja biex tipproteġi lit-tobba u lill-pubbliku.

Aktar tard il-MAM ħabbret li se tkun qed tiltaqa’ b’urġenza għada filgħodu biex tiddiskuti s-sitwazzjoni. Il-President tal-MAM qal lil Newsbook.com.mt li l-MAM se tkun qed tiddiskuti kif se tagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex dawn it-titjiriet jieqfu.

L-ispiżjara jaqblu mal-MAM

Fi stqarrija maħruġa llum filgħaxija, il-Kamra tal-Ispiżjara ta’ Malta qalet li tappoġġja s-sejħa tal-MAM biex jieqfu t-titjiriet minn u lejn it-Tramuntana tal-Italja.

Passiġġieri li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li għalkemm tajjeb li kulħadd qed jgħaddi mill-iscreening, ħafna passiġġieri miġburin fi spazju magħluq minn titjiriet differenti mhuwiex ideali. Semmew fost l-oħrajn li magħhom kien hemm passiġġieri li kienu ġejjin mill-Italja.

Skont il-MaltaToday, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne mhux qed jaqbel mal-Prim Ministru Robert Abela dwar kif għandha tiġi trattata l-coronavirus. Filwaqt li Fearne jixtieq li jitwaqqfu t-titjiriet mit-Tramuntana tal-Italja, Abela ma qabilx. Hu rrappurtat li dan seħħ waqt laqgħa tal-kabinett din il-ġimgħa.