Konsulent ewlieni tal-Papa mhux inkwetat bil-ferment dwar is-Sinodu tal-Amazon

Il-Ġiżwita Father Michael Czerny, sottosegretarju tat-Taqsima tal-Emigranti u r-Refuġjati tad-Dikasteru għall-promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman, jieħu sehem f’diskussjoni dwar l-emigrazzjoni. (Credit: CNS.)

Il-Ġiżwita Michael Czerny, wieħed mill-konsulenti ewlenin tal-Papa Franġisku li għandu sehem importanti fit-teħejjija  għas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Amazon, qal li mhux inkwetat bil-kritika li qed issir għas-Sinodu.

Fil-fehma tiegħu, l-attenzjoni mid-dinja kollha li qed tingħata għas-Sinodu, anke jekk kultant bi kritika negattiva, hi sinjal ta’ kemm hi mportanti l-aġenda ta’ din il-laqgħa ta’ Isqfijiet.

Meta kien qed ikellem lill-media meta ppreżenta l-proġett “Amazon: Dar Komuni”, qal li “Nilqgħu l-interess li hawn fis-Sinodu”. Sostna li l-ferment dwar ċerti suġġetti fuq l-aġenda, fosthom dak dwar qassisin miżżewġa, “diġa’ hi xi ħaġa interessanti”.

Għalkemm għadu ma fetaħx, is-Sinodu li se jsir bejn is-6 u s-27 ta’ dan ix-xahar, li se jaħbat ukoll maċ-ċelebrazzjoni ta’ Xahar Straordinarju għall-Missjoni, msejjaħ mill-Papa Franġisku,  is-Sinodu ħoloq kontroversja minn kritici li qed isostnu li l-aġenda tiegħu hi aktar politika milli spiritwali u li l-possibbiltà li fl-Amazon ikunu ordnati saċerdoti, rġiel maturi miżżewġa hi ta’ theddida għall-identità tas-saċerdot.

Diversi dimensjonijiet

Fr Czerny qal li l-argumenti li s-suġġetti ġeografiċi, politiċi u ekonomiċi li hemm għad-diskussjoni – li jvarjaw minn tħassib amjentali, għan-nisa u għad-drittijiet tal-popli indiġeni – huma distrazzjoni mill-missjoni spiritwali tal-Knisja. “Hemm diversi dimensjonijiet” għas-Sinodu u findamentalment din hi suġġett uman li fuq kollox jinvolvi lill-Knisja”.

Huwa nnota li dak li jiġri fis-Sinodu ikun ferm differenti minn dak li jingħad fil-media u d-diskussjoni fih ma għandhiex tkun biss dwar ftit aħbarijiet jaħarqu.  “Il-membri tas-Sinodu huma lkoll maturi u ma naħsibx li se jitfixklu u fil-fehma tiegħi kulma jiġri jista’ biss isaħħaħ il-proċess”.

Dwar il-kwestjoni tal-bdil fil-klima u dawk li ma jaqblux mal-pożizzjoni tal-Vatikan kif espressa fl-Enċiklika tal-papa Franġisku “Laudato si”, Fr Czerny qal li x-xettiċiżmu dwar il-klimea  hu fattur li għandu jkun kunsidrat, imma mhux xi ħaġa deċisiva.

Huwa faħħar il-moviment taż-żgħażagħ imniedi minn Greta Thunberg fejn studenti ta’ “Il-Ġimgħa għall-Futur” issa sar xi ħaġa li qed tiġbed l-attenzjoni tad-dinja.

Ix-xiehda taż-żgħażagħ

Il-Patri Ġiżwita qal li ż-żgħażagħ għandhom risposta importanti u eżistenzjali għall-periklu. Iż-żgħażagħ tipikament jitkellmu mill-esperjenza tagħhom u din hi xiehda importanti li għandha tinstema.

Faħħar ukoll inizjattivi bħalma huma l-“Amazon: Dar Komuni” li jista’ jservi bħala riżorsa importanti għas-Sinodu, imma anke għall-poplu fqir u vulnerabbli tar-reġjun tal-Amazon.

Madwar 130 attività diġa huma skedati li għalihom se jattendu madwar 50 mexxej indiġenu. L-attivitajiet jinkludu mumenti ta’ talb, esibizzjonijiet ta’ ritratti, taħditiet u dibattiti. Tnieda wkoll sit elettroniku bit-Taljan, l-Ingliż, l-Ispanjol u l-Portuġiż, dwar is-Sinodu.

Meta kellem lill-ġurnalistif fuq Skyupe, il-Kardinal Pedro Barreto Jimeno tal-Peru, wieħed mill-Presidenti tas-Sinodu, qal li din il-laqgħa għandha l-għeruq tagħha fil-Konferenza Ġenerali tal-Konferenzi Episkopali tal-Amerika Latina li saret fl-2007 – 12-il sena ilu – li kienet iddiskutiet il-problemi tal-Amazon.

L-Amazon importanti għall-umanità

Fl-2007,l-Arċisqof Jorge Mario Bergoglio kien inkarigat biex jikteb id-dokument finali tal-laqgħa li fih tkellem dwar “il-bżonn li nqajjmu kuxjenza dwar l-Amerika u l-importanza tal-Amazon għall-umanità, mhux bħala spazju ġeografiku, imma bħala l-pulmun tad-dinja”.

Il-Kardinal Barreto rrefera għal żewġ dokumenti tal-Papa Franġisku – l-Eżortazzjonijiet Apostoliċi “Evangelii Gaudium” u “Laudato si” u qal li dawn it-tnejn fihom ħafna minn dak li l-Aparecida fissret għall-popli tal-Amerika Latina.

Dwar is-sehem tal-Knisja fir-reġjun tal-Amazon, il-Kardinal qal li l-ħidma ewelenija hi li tisma’ lin-nies li jgħixu hemm u kemm jista’ jkun tipprova tilqa’ għall-ħtiġijiet tagħhom.

Hu fakkar kif mara li tgħix fl-Amazon qaltlu li “il-politiċi m’għandhomx ħin għalina u n-negozjanti ferm anqas minnhom. Il-Papa Franġisku ul-Knisja Kattolika għandhom il-lħin biex jisimgħuna bi pjaċir u b’attenzjoni”.

“Dak li jiġri fl-Amazon, il-ferħ, it-tbatija, ikun qed jiġri wkoll lill-umanità”, sostna l-Kardinal Barreto filwaqt li sostna li “dan is-Sinodu diġa’ qed jagħti l-frott”.