Konsorzju wieħed jitfa’ l-offerta għall-iżvilupp tal-ITS f’San Ġiljan

Konsorzju wieħed tefa’ l-offerta għall-iżvilupp mill-ġdid ta’ dak li s’issa hu ċ-ċentru tal-Istudji Turistiċi fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan.
Projects Malta ħabbret li b’kollox tliet kumpaniji kienu ġabru d-dokument uffiċjali għas-sejħa pubblika li kienet titlob id-disinn mill-ġdid, il-bini u l-operat ta’ proġett li jkun turistiku imma wkoll b’element ta’ divertiment.
Il-konsorzju li tefa’ l-offerta hu SD Holdings Ltd, Seabank Hotel and Catering Ltd u Seaport Franchising Ltd.
Fl-offerta, Projects Malta talbet b’mod speċifiku li l-proġett irid joħloq żvilupp importanti, li jtejjeb il-prodott turistiku u ta’ negozju fl-inħawi.
Il-proġett sottomess kellu jinkludi lukanda ġdida ta’ ħames stilel jew iktar, li taħdem taħt brand internazzjonali rikonoxxuta, faċilitajiet ta’ divertiment u rikreazzjoni, partijiet residenzjali, ħwienet tal-ikel u ħwienet oħra.
Projects Malta spjegat li issa jmiss li l-offerta mitfugħa tiġi mgħarbla minn kumitat ta’ evalwazzjoni u wara jitħabbar jekk laħqitx il-kriterji stabbiliti fil-proċess.
Iktar kmieni l-Gvern kien ħabbar li l-ITS mistenni jiġi rilokat lejn SmartCity.