Filmat: Konsorzju ġdid irid mina li titniżżel lesta taħt il-baħar

Tnediet kampanja biex il-mina bejn Malta u Għawdex tinbena fuq l-art u titniżżel lesta f’kanal taħt l-ilma baħar, bil-metodu magħruf bħala dak tal-“Immersed Tunnel”.

Il-konsorzju Malta Gozo Fixed Link qed isostni li mina ta’ dan it-tip toffri l-aqwa soluzzjoni biex Malta u Għawdex jingħaqdu permezz ta’ link permanenti. Ġie spjegat li dan isir permezz ta’ strutturi tal-konkos li jinbnew barra minn Malta, u li wara jitniżżlu taħt l-ilma u jitqiegħdu f’kanal.

Filmat informattiv li ħareġ il-konsorzju, jispjega li l-immersed tunnel għandha diversi vantaġġi fosthom li jista’ jkun hemm korsiji f’kull direzzjoni, u taħseb għal tram jew metodi oħra ta’ trasport bejn iż-żewġ gżejjer.

Il-filmat jispjega li din it-tip ta’ mina hija l-aqwa soluzzjoni għall-ambjent, tkun ħafna iqsar minn dik li qed tiġi proposta, titlesta aktar malajr u tkun iktar sigura f’każ ta’ terremot.

Barra minn hekk, il-konsorzju qed isostni li l-parti l-kbira tal-materjal skavat mill-baħar ikun ramel u dan l-istess materjal jista’ jerġa’ jintuża biex tintradam il-mina.

Il-Malta Gozo Fixed Link qal li dan il-konsorzju jinkludi uħud mill-aqwa periti, enġiniera u ambjentalisti marittimi tant li fid-dinja hawn madwar 150 mina ta’ dan it-tip, fosthom waħda li qed tinbena bejn il-Ġermanja u d-Danimarka.