Konslu ġdid għall-Filippini jibda l-mandat tiegħu

Il-Konslu f’Malta għall-Filippini, Roger Strickland Jr, irid isaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi u jaċċerta servizz f’waqtu għall-Filippini f’Malta nkluż għal delegazzjonijiet kummerċjali u bit-twaqqif ta’ bord tal-investiment bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Konslu ġdid qal li hemm diversi opportunitajiet għall-investiment bejn iż-żewġ pajjiżi, li jridu jiġu esplorati, waqt li sostna li l-Konsolat jista’ jaqdi l-funzjoni ta’ Forum għall-opportunitajiet ta’ xogħol għall-komunità Filippina f’Malta.
Fisser kif il-Filippini f’Malta rduppjaw fl-aħħar snin u qed ikomplu jiżdiedu, l-iktar minħabba l-opportunitajiet ta’ xogħol f’Malta. Ħafna qed jaħdmu fis-settur tal-kura tas-saħħa, ħaddiema ikkwalifikati fid-dar, u professjonisti fl-awditjar.
Il-Konslu ltaqa’ wkoll mal-Ambaxxatur Filippin għall-Italja, Domingo P Nolasco, fejn ippromwova l-votazzjoni barra mill-pajjiż.
Il-Konsulat Filippin f’Malta jinsab fil-Penthouse, Tower Business Center, Triq it-Torri, fis-Swatar u jiftaħ mit-Tnejn sal-Ħamis, mit-8:00am sal-5:00pm u nhar ta’ Ġimgħa mit-8:00am sas-2:00pm.