Konsegwenzi serji fuq it-tfal wara t-tsunami fl-Indoneżja

Ftit mill-ħerba u t-tifrik li ħalles it-terremot u t-tsunami fl-Indonesia l-ġimgħa li għaddiet

L-organizzazzjoni Save the Children qed twissi dwar il-ħsara psikoloġika kbira fuq it-tfal, speċjalment dawk li spiċċaw orfni jew separati mill-ġenituri tagħhom, li se jħallu t-terremot u t-tsunami ta’ tmiem ix-xahar li għadda.

Aktar minn 1.5 miljun persuna intlaqtu minn dan id-diżastru naturali, li almenu 600,000 minnhom kienu tfal. Madwar terz minn dawk milquta tilfu djarhom, ix-xogħol tagħhom jew membri tal-familja.

“Nixtieq nesprimi s-solidarjetà tiegħi u ngħidilhom li jien qrib tagħhom, lin-nies li jgħixu fuq il-gżira ta’ Sulawesi li ntlaqtet minn tsunami kbir,” qal il-Papa Franġisku waqt l-Anġelus tal-Ħadd li għadda. “Nitlob ‘l Alla jikkunslahom u jgħin l-isforzi ta’ dawk li qed jieħdu sehem fl-operazzjoni ta’ salvatagġġ.”

Id-Direttur ta’ Save the Children f’Jakarta qal li “Qed ikollna aktar rapporti ta’ tfal li spiċċaw separati mill-ġenituri tagħhom, li ħarbu meta beda jaqa’ l-bini u l-mewġ tat-tsunami farrak id-djar fuq ix-xtajta kif ukoll il-ħwienet.  Kien hemm numru ta’ tfal li tilfu l-ġenituri tagħhom u dan hu ta’ qsim il-qalb.”

“Ħafna minn dawn it-tfal għaddew minn tawma kbira meta raw affarijiet li ebda tifel m’għandu jara – jitilfu ‘l ommhom jew lil missierhom – jew jaraw dak kollu li kienu mdorrija bih, jinġarr mill-ilmijiet.”

Dawn it-tfal issa ilhom ħamest iljieli jorqdu fit-toroq bla ebda ikel u bla aċċess għall-mediċina jew għajnuna emozzjonali. “Ħafna d-drabi t-tfal l-aktar li jbatu minn diżastri bħal dawn u mill-kaos li joħolqu. Wara din it-traġedja hemm bżonn urġenti għal għajnuna fiżika u emozzjonali għal dawn it-tfal.”

Hekk kif il-ħidma ta’ salvataġġ qed tkompli f’Sulawesi, grupp mill-Yayasan Sayangi Tunas Cilik li hi għaqda li taħdem ma’ Save the Children, irnexxielhom jaslu f’Palu, il-kapitali ta’ Sulawesi li hi l-epiċentru tal-kriżi, wara vjaġġ ta’ 800 kilometru minn Makassar, fin-nofsinhar tal-gżira.

Dawn issa se joħolqu dawk li jissejħu “Spazji ta’ sigurtà għat-tfal” biex it-tfal ikollhom post sigur u jistrieħu ftit mill-kaos ta’ madwarhom. Hemmhekk jingħataw affarijiet bżonjużi bħalma huma lożor tal-plastik u ħbula biex jagħmlu lqugħ temporanji, oġġetti sanitarji bħal sapun u affarijiet għat-tindif u platti u tazzi.

Flimkien mal-Gvern issa jsir eżami tas-sitwazzjoni attwali fil-post u jaraw x’inhuma l-aktar bżonnijiet urġenti. Bħalissa hemm bżonn ħafna ta’ tined, ikel u ilma. L-akbar sfida hi l-aċċess għall-postijiet milquta billi t-toroq, pontijiet u l-ajruporti ġarrbu ħsarat kbar u minħabba hekk għad ma jistax ikun magħruf bi preċiżjoni l-kobor tal-ħsarat u dak li hu meħtieġ.

In-numru ta’ nies mejta qabeż l-1,000 u aktarx li jkompli jikber.