“Konsegwenzi kbar mill-abort anke jekk l-omm tkun favur”

Il-psikoterapista mill-Hope Crisis Pregnancy Support Eleanor Borg qalet li l-konsegwenzi tal-abort huma kbar ħafna għall-omm, anke jekk din tħoss li mhu qed tagħmel xejn ħażin billi tagħmel abort.
Eleanor kienet waħda mill-mistiedna fil-programm Ta’ Kulħadd fuq RTK 103FM.
Fissret li l-konsegwenzi fuq l-omm huma minħabba li l-psikoloġija tagħha tkun diġà tagħraf dik l-għaqda bejn l-omm u t-tarbija. 
“Mill-bidu tal-ħajja, anke fl-ewwel jiem jew ġimgħat, il-bijoloġija tal-bniedem tkun diġà fasslet dik ir-rabta”, żiedet tgħid. 
Tkellem ukoll waqt il-programm Dr Joseph Meaney, id-Direttur tal-Koordinazzjoni Internazzjonali tal-Human Life International, li huwa wkoll wieħed mill-esperti ewlenin tal-moviment pro-life  madwar id-dinja.
Dr Meaney fakkar li soċjoloġikament aktar ma jiżdiedu l-għadd ta’ persuni li jipprattikaw xi ħaġa, aktar jiżdied iċ-ċans li din tiġi aċċettata, għaliex issir aktar komuni.
“Favur l-għażla u favur l-abort huma l-istess ħaġa”
Min-naħa tiegħu Paul Vincenti mill-Gift of Life,  saħaq li l-frażijiet ‘favur l-għażla’ u ‘favur l-abort’ huma l-istess ħaġa.
Semma kif il-mentalità moderna qed toħloq kaos fis-soċjetà minħabba r-raġunament li jgħodd biss dak li hu tajjeb għall-persuna u dak ħażin huwa stabbilit abbażi ta’ x’taħseb il-persuna.
Wissa li bħalissa qiegħed jintuża logħob bil-kliem li jaf ibiddel id-definizzjoni ta’ dak li qed jiġi diskuss. Saħaq li meta wieħed jgħid li hu favur l-abort ikun qed jgħid li hu favur l-għażla.
Saħaq li l-istess djalogu li kien isir waqt il-kampanja favur id-divorzju f’Malta huwa l-istess li qed jintuża bħalissa fl-argumenti favur l-għażla, fosthom il-fatt li f’pajjiżi oħra l-abort huwa legali u li min għandu l-flus jista’ jsiefer biex jagħmel l-abort.
Skont Vincenti, l-iktar valur importanti sar li jekk xi ħadd irid xi ħaġa għalih, ħadd m’għandu dritt jiċħdu minnha. Qal ukoll li qed ngħixu f’soċjetà fejn kulħadd għandu ‘d-dritt’ jagħmel li jrid, iżda fl-istess ħin wieħed m’għandux dritt jitkellem dwar opinjoni differenti. Huwa sejjaħ dan il-fenomenu bħala Marxismu kulturali.
Segwi l-intervista hawn: