Konsagrata knisja Kattolika ġdida fil-Kyrgyzstan

Waqt il-konsagrazzjoni tal-knisja l-ġdida

“Bħala komunità Kattolika fil-Kyrgyzstan, ninsabu f’idejn Alla li jiggwidana biex inkomplu nippjanaw l-attività apostolika tagħna fil-pajjiż. Għalina, din is-sena hi waħda ta’ gratitudni u tfakkar il-50 anniversarju mir-reġistrazzjoni uffiċjali tal-komunità tagħna fit-Tramuntana tal-pajjiż mill-Gvern Sovjetiku. U din is-sena wkoll aħna kkonsagrajna l-knisja ġdida fil-belt ta’ Talas”.

Dan qalu lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, Fr. Anthony Corcoran, ġiżwita u Amministratur Apostoliku tal-Kyrgyzstan. Huwa spjega li l-knisja l-ġdida hi dedikata lil San Nikola Flue, patrun tal-Isvizzera. “Din hi l-ewwel binja disinjata bħala post Kattoliku ta’ talb. L-oħrajn kienu binjiet eżistenti li kienu adattati għal dan l-iskop”. 

Il-Konsagrazzjoni tal-Knisja saret minn Mons Athanasius Schneider, Isqof Awżiljarju ta’ Astana imma ta’ nazzjonalista Kyrgyzstana. Fiċ-ċerimonja ħadu sehem mhux biss il-Kattoliċi lokali, imma l-komunità kollha tal-insara u s-Sorijiet ta’ Bishkek. Kienu preżenti wkoll ir-rettur tal-parroċċa ta’ Talas u l-Vigarju Ġenerali tad-djoċesi ta’ Karaganda.

Bdiet tinbena fl-2010

Il-bini tal-knisja beda fl-2010 fuq inizjattiva tal-Isqof ta’ dak iż-żmien Mons. Nikolai Messmer. Ix-xogħol seta’ jsir bl-għajnuna ta’ Kattoliċi mill-Isvizzera u l-Ġermanja u organiżazzjonijiet oħra ta’ karità minn diversi pajjiżi oħra.

Il-mewt għall-għarrieda tal-Isqof Messmer fl-2016 ma ħallietux jara x-xogħol li beda, jitlesta, imma issa bl-għajnuna t’Alla, dan il-proġett tant mixtieq, intemm.

Illum il-Kyrgyzstan hu pajjiż żgħir b’popolazzjoni ta’ madwar sitt miljun persuna li jgawdu minn libertà reliġjuża sħiħa. Ftit anqas minn 90 fil-mija tal-popolazzjoni huma Musulmani, 10 fil-mija huma Ortodossi u l-ftit l-oħra huma denominazzjonijiet insara differenti. Il-Kattoliċi fil-pajjiż għandhom l-assistenza spiritwali ta’ seba’ saċerdoti, patri u ħames sosrijiet Franġiskani.