Ikkonsagrat katidral ġdid fl-Amerka

Id-Djoċesi ta’ Knoxville, fin-nofsinhr tal-Istati Uniti, fit-3 ta’ dan ix-xahar ikkonsograt katidral ġdid b’quddiesa speċjali li fiha isqfijiet, saċerdoti u parruċċani ċċelebraw it-tkabbir tal-Knisja Kattolika f’dan ir-reġjun.
L-Isqof Richard Stika ta merħba lill-aktar minn 1,000 persuna li attendew għaċ-ċelebrazzjoni, bil-kliem: “Prosit. Għamilna biċċa xogħol tajba. Irnexxielna”.
Ħames karidnali, 21 isqof aktar minn 100 saċerdot, 58 djaknu u 39 reliġjużi nisa u rġiel u 800 Kattoliku minn Tenesee, ħadu sehem fiċ-ċerimonja ta’ tliet sigħat.
L-Isqof esprima r-ringrazzjamenti tiegħu għall-ġenerożità tal-parruċċani li fosthom kien hemm min offra żebgħa, oħrajn irħam u ħafna taw xhur sħaħ ta’ xogħol biex il-proġett seta’ jitlesta.
Fl-omelija l-Isqof qal li fi ftit mumenti oħra dik il-binja kienet se ssir knisja, dar, anzi katidral għax se nikkonsagraw u niddedikaw dan il-post qaddis lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.
Il-Katidral il-ġdid sewa $31 miljun biex tlesta u jkopri medda ta’ 28,000 pied kwadru u koppla għolja 144 pied u fuq ġewwa għandu murals tat-tnax-il appostlu u 16-il qaddis ieħor.
L-akbar kwadru li hemm fil-Katidral hu dak ta’ Ġesù bil-Qalb Imqaddsa f’idu li hu għoli 25 pied.
L-altar hu mgħotti b’baldakkin u ċiborju tal-irħam fuq it-tabernaklu. L-altar ta’ 11-il pied hu magħmul mill-irħam miġjub mill-istess barriera mnejn ittieħed l-irħam għall-istatwa taż Mikelangelo “La Pietà’”.
Il-Kardinal Stanislaw Dziwisz, li mar apposta għaċ-ċelebrazzjoni mill-Polonja, bierek statwa ta’ San Ġwanni Pawlu II li hu l-patrun tad-djoċesi ta’ Knoxville filwaqt li għamel donazzjoni lill-Katidral ta’ żewġ relikwi tal-Papa qaddis kif ukoll stola li kien jilbes l-istess Papa.
Il-Katidral il-ġdid ħa post il-Katidral l-antik li kien inbena bħala parroċċa fl-1950 u li kien jesa’ biss anqas minn 600 persuna.
Dan hu t-tieni katidral ġdid li li kien ikkosagrat fl-Istati Uniti f’anqas minn sena.
F’Lulju tas-sena li għaddiet f’North Carolina katidral ġdid kien iddedikat lill-Isem Imqaddes t’Alla.
Il-Kardinal Daniel DiNardo, li wkoll attenda għaċ-ċelebrazzjoni, qal li l-bini ta’ tliet katidrali ġodda fl-aħħar 10 snin juri t-tkabbir dinamiku tal-Knisja Kattolika fin-nofsinhar tal-Istati Uniti.