Konrad Mizzi ma kkonsultax mal-PM dwar il-ħatra ta’ martu

Konrad Mizzi qal li hu ma kkonsultax mal-Prim Ministru dwar il-kariga li ngħatat il-mara tal-istess Ministru.

Meta kien qed iwieġeb għal mistosijiet tal-ġurnalisti wara konferenza dwar il-prezz fiss tal-gass, il-Ministru qal li ċ-ċifra li semma’ il-Kap tal-Oppożizzjoni, dik ta’ €2000 fil-ġimgħa mhix eżatta.

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma qal li l-paga tal-mara tiegħu, bil-kariga ġdida li ngħatat tlaħħaq madwar €30,000. Minkejja dan, huwa ma ċaħadx li bl-allowances li jiġu ma’ din il-kariga, it-total jammonta għal €100,000.

Il-Ministru insista li hu qed jagħmel xogħlu u hu ffukat fuq il-kariga li ngħata. Huwa spjega li l-kariga li ngħatat martu ġiet ssekondata mill-Malta Enterprise u b’hekk il-Ministru bl-ebda mod ma kien involut f’din id-deċiżjoni.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet imsejħa biex jingħataw aktar dettalji dwar il-prezz fiss tal-gass. Il-Ministru qal li meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, il-prezz tal-gass se jkun madwar €1.66c irħas. Il-Ministru qal li l-esperti ibassru li l-prezz internazzjonali tal-gass ser jiżdied u mhux jonqos.

Spjega li mat-tmiem is-sena, l-operatur se jkun qed janalizza l-alternattivi kollha biex jistabilixxi prezz tajjeb għax-xhur ta’ wara.