Konrad Mizzi ma jweġibx għala pprova jiftaħ kont f’Dubaj

Il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi rrifjuta li jgħid għaliex ipprova jiftaħ kont bankarju f’Dubaj.
F’kummenti li ta lill-ġurnalisti qabel daħal fil-bini tal-Parlament, il-Ministru insista li dak li ġie żvelat ilbieraħ jikkonferma l-verżjoni tiegħu li m’għandu l-ebda kontijiet bankarji u lanqas fondi.
Dwar il-kont tal-bank f’Dubaj u dwar xogħol ta’ konsulenza li hu dokumentat li għamel, Konrad Mizzi nsista li kien trasparenti, leali u korrett f’dak kollu li qal.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma tax kummenti lill-ġurnalisti u talabhom jisimgħu l-Istqarrija Ministerjali fil-Parlament.
Ilbieraħ ġew żvelati madwar 11-il miljun dokument ta’ kumpaniji sigrieti li juru kif il-kumpanija Mossack Fonseca għenet persuni miljunarji u oħrajn b’rabtiet politiċi f’ħasil ta’ flus u evażjoni ta’ taxxa.
Fosthom hemm il-Ministru Konrad Mizzi, li skont id-dokumenti fetaħ trust fil-Panama f’Ġunju tal-2015, li l-benefiċċjarji huma l-mara u ż-żewġt uliedu.