Konrad Mizzi jwaqqa’ 5 libelli li fetaħ hu stess

Il-Ministru Konrad Mizzi waqqa’ ħames libelli li fetaħ hu stess, li minnhom tnejn kienu fil-konfront tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, tnejn fil-konfront tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-ħames kontra l-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale informa lill-partijiet li Mizzi kien waqqa’ l-każijiet tal-libell li kien fetaħ.

Mizzi kien l-unika Ministru fl-Unjoni Ewropea li kien imsemmi fil-Panama Papers, id-dokumenti kunfidenzjali li ħarġu mill-kumpanija legali Mossack Fonesca f’April 2016 u li ġew ippubblikati mill-Konsorzjum Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ).

Fi Frar, Mizzi kien waqqa’ li se jkun qed iwaqqa’ numru ta’ libelli relatati mal-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.

AQRA: Il-Ministru Konrad Mizzi jwaqqa’ xi libelli

AQRA: “Kelli raġun; Konrad Mizzi huwa korrott” – Busuttil dwar l-irtirar tal-libelli

Mizzi kien qal li deċida li se jagħmel hekk wara li l-Qorti kienet iddeċidiet li tibdel deċiżjoni tal-Maġistrat biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali dwar il-Panama Papers.

Mizzi fl-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni kien qal li l-libelli ma kienux qed iħalluh jaħdem u li twaqqigħ tagħhom kien se jkollu ċ-ċans jiffokka fuq xogħlu. Il-libelli twaqqgħu qabel ma’ kellu jitla’ jixhed Karl Cini ta’ Nexia BT.

Cini kien indika l-kumpanija Hearnville Inc. ta’ Mizzi bħala “target client” tal-kumpanija bbażat f’Dubaj tad-direttur tal-Electrogas Yorgen Fenech, 17 Black. Mizzi ċaħad li kellu rabtiet ma’ 17 Black.

Mizzi kien fetaħ żewġ libelli kontra l-ġurnalista assassinata wara li kienet kitbet li waħda mill-kumpaniji tat-tfal tal-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev kienet għaddiet somom kbar ta’ flus li t-tliet kumpaniji sigrieta fil-Panama, Hearnville Inc ta’ Mizzi stess, Tillgate Inc taċ-Chief of Staff Keith Schembri u Egrant Inc. Il-flus kienu deskritti bħala ħlasijiet ta’ loan.

Caruana Galizia kienet kitbet li t-transfers kienu allegatament saru mill-kont fil-Bank Pilatus tal-kumpanija Al Sahra FZCO li hi ta’ Leyla Aliyeva.

Fuq Twitter l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kiteb li wara tliet snin li l-pjanijiet tal-Ministru Konrad Mizzi ġew żvelati, hu għadu ministru. Saħaq li dan qed ikompli jħammeġ isem Malta.

AQRA: Libelli Daphne: Mizzi u Schembri ma jmorrux inaddfu isimhom