Konrad Mizzi jitlef 3 libelli u jirbaħ wieħed

L-eks-Ministru Konrad Mizzi tilef tliet kawżi ta’ libell li fetaħ fil-konfront ta’ Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami u George Pullicino waqt li rebaħ il-kawża ta’ libell li kontra l-gazzetta In-Nazzjon.

Il-kawżi kienu jitrattaw rapport fil-gazzetta fl-2014 li Konrad Mizzi kien qrib ta’ eks-uffiċjal tal-Enemalta li kien ġie akkużat b’serq ta’ elettriku f’daru riżultat ta’ tbagħbis tal-ismart meter. Kien allegat li dan l-eks uffiċjal ngħata trattament preferenzjali mill-Pulizija.

Il-Qorti ordnat lill-Editur tan-Nazzjon biex iħallas €500 f’danni lil Konrad Mizzi dwar l-artiklu li t-titlu tiegħu kien “Skandlu minn persuna qrib Konrad Mizzi” ippubblikat fl-14 ta’ Frar 2014. Dan peress li l-Qorti ddikjarat li huwa malafamanti u libelluż fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u għandu l-iskop li jtellef jew inaqqas ir reputazzjoni tiegħu.

Konrad Mizzi ħassu malafamat b’kummenti dwar il-korruzzjoni f’dawn il-każi.

Fil-libelli kontra Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami u George Pullicino, il-Qorti ddikjarat li l-ebda waħda mid-dikjarazzjonijiet ikkontestati ma’ kienu malafamanti fil-konfront ta’ Konrad Mizzi.

Fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook u ħabbar li rebaħ il-libell kontra n-Nazzjon:

Dalgħodu irbaħt libell kontra il-gazzetta n-Nazzjon (Media Nazzjonalista) fejn ippublikat gideb dwari.

Posted by Konrad Mizzi on Monday, October 5, 2020