Konrad Mizzi jgħid li d-dokumenti żvelati jixhdu li hu dejjem qal il-verità

Il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi qal li d-dokumenti żvelati dwar politiċi u miljunarji li għandhom kumpanjiji fil-Panama, jixhdu li hu kien dejjem qed jgħid il-verità.
Fi stqarrija, il-Ministru qal li t-Trust u d-dokumenti relatati li ġew ippubblikati kienu disponibbli għall-ġurnalisti mill-bidu nett u l-istruttura kienet dejjem intenzjonata bħala trust tal-familja għall-assi u l-investimenti.
Mizzi kompla jispjega li għall-kuntrarju tal-mijiet ta’ persuni msemmija fid-dokumenti żvelati, ma hemm l-ebda referenza, fil-każ tiegħu, dwar fondi li huwa għandu.
“Dan jikkonferma li dak li jiena għidt mill-bidu nett, jiġifieri li ma għandiex l-ebda fondi jew kontijiet bankarji f'dawn l-istrutturi.”
Dwar rapporti oħra li kien hemm xi attentat biex jiftaħ kont bankarju f’Dubaj, il-Ministru għall-Enerġija qal li dan kien parti mis-servizz li kien offrut.
Kompla jispjega li kif jidher mir-rapporti huwa għażel li ma jagħmilx dan u ma għandu l-ebda kont bankarju f’Dubaj, fil-Panama jew xi mkien ieħor.
Il-Ministru fakkar ukoll li fid-dikjrazzjoni tal-assi għall-2015 huwa nnotifika it-twaqqif ta’ din l-istruttura.
Fl-aħħar nett, Mizzi qal li hu se jkompli joqgħod għall-eżerċizzju ta’ awditjar indipendenti.
Temm jgħid li l-kumpanija fil-Panama se tingħalaq malli l-investigazzjoni tkun konkluża.