Konrad Mizzi jikkritika l-inkjesta pubblika

"Waddbuli t-tajn mingħajr ma ressqu farka prova"

Read in English.

L-eks Ministru Konrad Mizzi sostna li membri ewlenin tal-Partit Nazzjonalista tefgħulu t-tajn mingħajr ma ndenjaw ruħhom iressqu farka prova.

Hu qal dan fi stqarrija mibgħuta llum wara nofsinhar fejn ikkritika l-mod kif qed issir l-inkjesta pubblika, partikolarment bl-involviment ta’ avukati li ġejjin minn kamp Nazzjonalista. Mizzi rrimarka li hemm membri ewlenin tal-PN li għandhom rwol ewlieni fl-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jirrappreżentaw lill-parte civile tal-każ, lill-familja Caruana Galizia. Fl-istqarrija tiegħu, Mizzi ma semmhiex lil dawn il-persuni b’isimhom.

Skont Mizzi, l-involviment tagħhom ippolitiċizza l-inkjesta u l-aġenda tagħha. Insista li bħala Ministru tal-Gvern dejjem wettaq dmirijietu “fl-aħjar interess tal-poplu”. Insista li minħabba r-riżultati li kiseb il-gvern, inħoloq ambjent li fih hu safa fil-mira tal-PN. “L-avversarji politiċi tiegħi ivvintaw suspetti biex jeħilsu minni u b’hekk idajjfu l-Moviment li ħdimt bla heda fih,” insista Mizzi.

L-inkjesta marret ‘il bogħod mill-iskop oriġinali tagħha

Mizzi sostna li l-inkjesta marret ‘l bogħod mill-iskop oriġinali tagħha u qal li jinsab imħasseb li din qed tintuża biex titmexxa agenda politika. Insista li kellha tkun inkjesta marbuta ma’ delitt ikrah, il-qtil ta’ ġurnalista. Irrimarka li fl-ebda moment ma saret xi allegazzjoni dwaru f’dan il-kuntest.

Kompla jgħid li ma jagħmilx sens li jixhed fl-inkjesta pubblika, quddiem żewġ membri tal-PN. Insista li huwa ċar li l-għan tagħhom huwa li jagħmlu ħsara lix-xogħol tal-gvern. “Mhux bi ħsiebni li nipparteċipa fit-teatrini tagħhom,” qal Mizzi.

Hu insista li filwaqt li jilqa’ kull investigazzjoni leġittima, jisħaq li din għandha ssir fir-rispett sħiħ lejn il-liġi. Irrimarka li qed jistenna l-permess ta’ numru ta’ investigazzjonijiet kurrenti biex ikun jista’ jnaddaf ismu. Sostna li minkejja li se jkun hemm min ma jaqbilx, jittama li jifhmu li hu m’għandu l-ebda dmir li jħalli “lill-assassini politiċi” tiegħu japprofittaw ruħhom miċ-ċirkustanzi.

“Iva, għandi dispjaċiri, imma ntenn li kull inizjattiva li mexxejt ‘l quddiem kienet sostnuta b’entusjażmu mill-Kabinett tal-Ministri,” temm jgħid Mizzi.