Konrad Mizzi jikkonferma li offra r-riżenja tiegħu minn Deputat Mexxej

Il-Ministru Konrad Mizzi kkonferma li offra r-riżenja tiegħu minn Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-partit.
Konrad Mizzi qal li ħalla f’idejn il-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-pożizzjoni Ministerjali tiegħu.
Huwa qal jemmen li d-deċiżjoni li ħa Joseph Muscat hija l-aħjar deċiżjoni u li jirrispetaha.
Fakkar fid-diskors li kien għamel fil-Laqgħa Ġenerali Anwali tal-Partit Laburista meta qal li jinsab lest li jaċċetta kull deċiżjoni li jista' jieħu l-Prim Ministru. 
F’kummenti lill-ġurnalisti, il-Ministru Konrad Mizzi qal li ma jħossx li l-pożizzjoni ġdida tiegħu hija umiljanti.
Saħaq li huwa Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li jħossu kburi li se jaħdem mill-qrib tal-Prim Ministru.
Dwar Keith Schembri, Konrad Mizzi qal li l-Prim Ministru għamel sew li żammu Chief of Staff għax għandu mertu għat-tkabbir ekonomiku rekord ta’ Malta.
Konrad Mizzi qal li l-kumpanija fil-Panama hija fatt u li hu reġistraha fid-dikjarazzjonijiet tal-Parlament.
Tenna li wara li jsir l-audit se joħroġ li m’hemmx flus u kontijiet bankarji u l-kumpanija tingħalaq.