Konrad Mizzi jiċħad li martu toqgħod f’lukanda meta tiġi Malta

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal fil-Qorti, li hija ‘gidba’ li meta tiġi Malta, martu toqgħod f’lukanda.
Dr Mizzi kien qed jixhed fil-kawża ta’ libell li kien fetaħ kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, dwar dak li kitbet fil-blogg tagħha fl-2014. Dakinhar, il-ġurnalista allegat li Mizzi kellu relazzjoni intima ma’ Lindsey Gambin, l-uffiċjal responsabbli mill-komunikazzjoni fil-Ministeru tiegħu, u li kien għal dik ir-raġuni li “martu telqet lejn iċ-Ċina”.
Konrad Mizzi u martu, kif ukoll Gambin, fetħu kawżi separati ta’ libelli kontra Caruana Galizia, u dejjem insistew li l-istorja hija bla bażi u mhux veritiera, intenzjonata biss li ttebba’ r-reputazzjoni tiegħu.
Dr Mizzi qal li martu Sai Mizzi, żaret Malta ta’ sikwit fl-aħħar sentejn, flimkien ma’ wliedhom, biex ikunu jistgħu jqattgħu l-ħin flimkien. Stqarr li xi kultant anke hu jivvjaġġa biex iqatta’ l-btajjel mal-familja.
Dwar l-arranġamenti għall-akkomodazzjoni waqt li martu tkun Malta, Dr Mizzi qal li martu toqgħod f’daru, waqt li t-tfal ġieli joqogħdu magħhom u xi drabi man-nanniet.
Meta l-avukat difensur staqsieh xi jgħid jekk jgħidlu li Sai Mizzi toqgħod f’lukanda meta tkun Malta, waqt li t-tfal dejjem ikunu għand in-nanniet, il-Ministru wieġeb li din hija gidba faħxija.
Il-każ ġie aġġornat għal Ġunju, meta Sai Mizzi mistennija tixhed permezz ta’ telefonata bl-Iskype.
Fix-xhieda tagħha, f’Novembru 2015, Caruana Galizia kienet qalet li kien uffiċjal għoli fil-Korp tal-Pulizija, illum irtirat, li qalilha li ra lill-Ministru Mizzi f’sitwazzjoni intima ma’ Gambin.