Konrad Mizzi jgħid tiegħu dwar il-proġett ta’ Montenegro

Facebook

Read in English.

L-Eks Ministru Konrad Mizzi saħaq li l-Enemalta għandha tippubblika l-informazzjoni kollha dwar il-proġett ta’ Montenegro, biex ikun hemm trasparenza sħiħa u tevita li ssir spekulazzjoni fuq xi aspett finanzjarju ta’ dan il-proġett.

F’post fuq Facebook, Dr Mizzi qal li dan huwa proġett li ġab biss profitti għall-Enemalta, u “bis-saħħa t’hekk setgħet tissaħħaħ aktar il-kumpanija u żżomm it-tariffi tad-dawl baxxi, b’mod sostenibbli”. Żied jgħid li importanti li l-Enemalta tinforma lil-pubbliku li dan il-proġett qed jagħtiha rata ta’ dħul garantita ta’ mill-inqas 9.4%.

Konrad Mizzi sostna li “l-proġett kien wieħed minn numru ta’ proġetti internazzjonali ikkunsidrati mill-SEP u mill-Enemalta, li riedu jesploraw joint ventures fl-Ewropa u b’hekk isaħħu l-kooperazzjoni ta’ bejniethom”.

Saħaq li l-involviment tiegħu bħala Ministru responsabbli għall-enerġija, kien li jissettja l-politika tal-enerġija għall-pajjiż, għall-Enemalta, u li jara li l-kumpanija tissaħħaħ. Irrimarka li li l-kumpanija ssaħħet, u li l-kontijiet raħsu, jafu kulħadd.

“F’isem il-Gvern Malti, jien u l-eks-Prim Ministru tajna sostenn lill-proġett tal-Montenegro, għax emminna li huwa ta’ ġid għall-Enemalta u għal Malta. Għalhekk, bħala Ministru, jien kelli laqgħat uffiċjali mal-Gvern Montenegrin u, b’mod bilaterali, il-gvernijiet ħadmu biex iseħħ il-progett. Fl-ebda mument matul l-iżvilupp tal-proġett ma kien hemm xi ħjiel ta’ aġir ħażin minn xi ħadd. Jien intenni li ma għandi ebda assoċjazzjoni mal-kumpanija 17 Black, li llum issemmiet li kellha xi interess f’dan il-proġett”, temm jgħid l-eks Ministru Konrad Mizzi.