Konrad Mizzi jgħid li l-Qorti qed tiksirlu d-drittijiet fundamentali

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi talab lill-Qorti biex tiddikjara li hemm jew li jista’ jkun hemm ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ smigħ xieraq tiegħu fil-każ tal-Panama Papers.

Skont Mizzi, dan minħabba l-parteċipazzjoni tal-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-proċeduri. Ilmenta wkoll dwar dak li ddeskriva bħala “forum shipping” ta’ Busuttil.

F’applikazzjoni li ssottometta permezz tal-avukati tiegħu fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, Mizzi qal li t-talba għar-rikuża tal-Imħallef Antoniom Mizzi minn Simon Busuttil kien biss “tentattiv ċar ta’ forum shipping” u ta’ atti li jtawwlu l-proċeduri quddiem il-Qorti Kriminali. Skont Mizzi, wara li t-talba għar-rikuża ġiet miċħuda, Busuttil iddikjara li kien se jfittex rimedju fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fi kliem l-avukati ta’ Mizzi huwa ċar li Busuttil ried jiżvija lill-Qorti.

Mizzi lmenta wkoll dwar kif Busuttil kien talab biex is-seduti fil-Qorti jinfetħu għall-pubbliku u li wara kull seduta kien jitkellem mal-ġurnalisti. Qal li “Busuttil laħaq l-għan tiegħu li juża proċeduri leġittimi sabiex joskura l-integrità tal-esponenti”. Skont Mizzi, skop ieħor ta’ Busuttil kien “id-dewmien”.

L-avukati ta’ Mizzi qalu wkoll li min huwa s-suġġett ta’ proċeduri għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu kull informazzjoni li tista’ tintuża’ fil-konfront tiegħu u li tista’ twassal għal deċiżjoni kontrih. Mizzi talab biexi l-proċeduri li ttieħdu sal-lum wara t-talbiet ta’ Busuttil u tal-Ewroparlamentari David Casa jiġu ddikjarati nulli u bla effett.

F’Diċembru, il-partijiet involuti fil-każ tal-Panama Papers ingħataw erbat ijiem biex jagħmlu s-sottomissjonijiet finali tagħhom bil-miktub.

L-Imħallef Giovanni Grixti beda jieħu ħsieb dan il-każ tal-appelli wara li l-Imħallef Antonio Mizzi rtira. Id-deċiżjoni finali dwar il-każ se jeħodha Grixti li ħareġ digriet dwar is-sottomissjonijiet.

Il-każ kien beda f’Lulju tal-2017 meta l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien talab lill-Maġistrat Ian Farrugia biex tinfetaħ inkjesta dwar dak li ġie żvelat mill-iskandlu tal-Panama Papers. Farrugia laqa’ din it-talba imma l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, Brian Tonna u Karl Cini minn NexiaBT, Malcolm Scerri, u Adrian Hillman appellaw. L-Imħallef Antonio Mizzi kien dak li beda jisma’ s-smigħ tal-appelli. Mizzi huwa r-rapel tal-Membru tal-Parlament Ewropew Laburista Marlene Mizzi. Minħabba dan, Simon Busuttil talab lil Antonio Mizzi biex jirrekuża lilu nnifsu imma Mizzi ma aċċettax. Minħabba f’hekk Busuttil imbagħad mar il-Qorti fejn argumenta li d-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq kienu nkisru.

Għalkemm l-Ewwel Qorti kienet qablet ma’ Busuttil, id-deċiżjoni ġiet riveduta mill-Qorti Kostituzzjonali. F’Novembru l-Imħallef Antonio Mizzi ippospona s-smigħ li jmiss għal Diċembru, propju wara d-data tal-irtirar tiegħu.

L-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li kien talab biex issir din l-inkjesta biex jiġu investigati ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi li kienu nqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Fl-2017 il-Maġistrat Ian Farrugia kien ikkonkluda li hemm biżżejjed pre-rekwiżiti biex tinfetaħ inkjesta li kellha tistabbilixxi jekk il-liġijiet ta’ ħasil tal-flus kienux inkisru minn uffiċjali tal-Gvern meta nfetħu kumpaniji offshore.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, is-sidien ta’ Nexia BT Brian Tonna u Karl Cini, l-impjegat ta’ Kasco Limited Malcolm Scerri u l-eks-direttur maniġerjali ta’ Allied Newspapers Adrian Hillman kienu resqu appell fil-Qorti biex ma jiġux investigati.

F’Novembru, il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi wara li spjega li l-Prim Ministru Joseph Muscat falla li jieħu azzjoni.