Konrad Mizzi jgħid li l-banek barranin irrifjutawh għax ma kienx se jkollu biżżejjed depożiti

Il-Ministru Konrad Mizzi ħareġ stqarrija li fiha ddikjara r-rapporti ppubblikati fl-aħħar jum bħala foloz u qarrieqa.
Sostna li biex kumpanija taħdem irid ikollha kont bankarju u spjega li l-parti l-kbira tal-banek differenti rrifjutaw li jiftħu kont minħabba li ma kienx se jilħaq l-ammont minimu mitlub għal depożitu.

Tenna li qatt ma ffirma formuli tal-banek jew prokuri biex jinfetaħ kont bankarju imma li l-mandat lil min ipprovdih bis-servizz kien biss biex jagħmel it-tfittxijiet (enquiries).

Saħaq li r-rapporti ppubblikati jikkonfermaw li investimenti kurrenti jew futuri tiegħu ma jiġux ikkunsidrati mit-Trust jew mill-kumpanija waqt li nsista li ma kien hemm ebda investiment konġunt ma’ Keith Schembri li ġie kkunsidrat. 
Il-Ministru Mizzi tenna li qal il-verità waqt li spjega li dawk li se jibbenefikaw mit-trust huma martu u uliedu u li familtu hi internazzjonali mifruxa minn Malta għal Londra għaċ-Ċina.
Tenna li l-kuntratt ta’ martu se jintemm dalwaqt u li se tkun qed tirritorna fis-settur privat u se taħdem f’oqsma mhux assoċjati ma’ Malta.