Konrad Mizzi ħasel il-flus, mhux ipprova – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Ministru Konrad Mizzi mhux prova jagħmel ħasil tal-flus, iżda qed jagħmel ħasil tal-flus.

Meta kien qed jitkellem waqt t-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi li jemenda liġijiet kriminali dwar it-terroriżmu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dawn l-emendi jitkellmu fuq pieni ta’ ħabs ta’ bejn 15 u 30 sena għat-terroristi, filwaqt li persuni akkużati b’ħasil ta’ flus jistgħu jeħlu 18-il sena ħabs u multa ta’ €2.5 miljun.

“Il-vittmi huma l-Maltin”

Huwa qal li l-Ministru li tela’ bl-għajta ‘Shame on you’, umilja lilu nnifsu u lill-Maltin kollha. Delia qal li l-vittmi huma l-Maltin u dawk kollha li qed jitilfu mill-qligħ tagħhom minħabba l-mod kif ġab ruħu l-Ministru Konrad Mizzi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kapaċi biss ibigħ dak li jagħmilna Maltin, l-identità tagħna u l-bejgħ tal-passaporti, li wassal biex Malta tispiċċa fiċ-ċentru ta’ rappurtaġġ negattiv mill-midja internazzjonali fosthom ir-Reuters u l-BBC, b’dan ta’ l-aħħar isejjaħ lil Malta bħal bejta għal dawk li jaħslu l-flus.

Delia tkellem dwar il-Pilatus Bank fejn qal li kien il-Gvern li ġab lil dan il-bank u mhux il-bank ġie Malta. Żied jgħid li l-klijenti tiegħu kienu kollha mill-Gvern jew qrib il-Gvern u kellhom jgħaddu minn taħt idejn Brian Tonna ta’ Nexia BT.

Huwa qal li dan l-aħħar, l-organizazzjoni Dinjija dwar il-koperazzjoni ekonomika u żvilupp poġġiet lil Malta fil-lista s-sewda u għarrqet xogħol li fi kliemu sar minn Gvernijiet Nazzjonalista biex iżommu lil Malta fil-lista l-bajda.