Aġġornata: “Konrad Mizzi għandu jirriżenja” – Alfred Sant

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant dalgħodu appella lil Konrad Mizzi biex malajr kemm jista’ jkun jieħu d-deċiżjoni onorabbli u jirriżenja.
Fuq Facebook, Alfred Sant sostna li Konrad Mizzi għandu jagħmel dan “fl-interess tiegħu, personali u politiku, fl-interess ta’ familtu, tal-Partit Laburista u tal-gvern, kif ukoll fl-interess nazzjonali.”
Saħaq li b’hekk ukoll ikun jista’ jħares u jiddefendi aħjar ismu u unuru.
Dr Sant qal li fil-każ tal-Ministru Konrad Mizzi u l-kumpanija sigrieta li fetaħ fil-Panama, il-Prim Ministru Joseph Muscat wera prudenza u sens ta’ fair play ammirevoli.
Sostna li “dwar dan, għandu jingħata kull appoġġ minn kulħadd. Mhix ħaġa sew madanakollu li deċiżjoni li messha hi ċara u inevitabbli titpoġġa fuq il-Prim Ministru.”
Ilbieraħ waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru qal li l-azzjoni dwar Konrad Mizzi tittieħed hekk kif tiġi konkluża l-analiżi minn kumpanija tal-awditjar.
Reazzjoni Alternattiva Demokratika
Fi stqarrija, iċ-Ċerpersin ta' Alternattiva Demokratika, il-Prof. Arnold Cassola faħħar lil Alfred Sant tal-kuraġġ li kellu biex jgħid dak li hu ovvju dwar Konrad Mizzi.
Żied jgħid li fl-aħħar, wara 7 ġimgħat, Sant hu l-ewwel deputat tal-Partit Laburista li kellu l-kuraġġ jgħid li Mizzi hu mażra mhux biss għall-Partit Laburista, imma wkoll għall-pajjiż kollu kemm hu u għaldaqstant għandu jwarrab. 
Il-Prof. Cassola qal li "issa nistennew dikjarazzjonijiet simili mingħand Ministri bħal George Vella, Louis Grech, Evarist Bartolo, Leo Brincat u Edward Scicluna, li diġà esprimew il-veduti tagħhom internament."  
Saħaq li dawn il-Ministri issa għandhom bżonn jitkellmu bil-miftuħ għall-ġid tal-pajjiż.