Konrad Mizzi għadu maħrub… qed jistenna garanzija mill-PM li ma jkunx arrestat – Azzopardi

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi allega fil-Parlament li l-eks ministru Konrad Mizzi ilu maħrub mit-13 ta’ Marzu u qed jaħmi pjan mal-Prim Ministru Robert Abela biex jingħata garanzija li ma jiġix arrestat mill-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid.

Waqt il-ħin tal-aġġornament, Dr Azzopardi qal li din hi l-unika raġuni għalfejn id-deputat Laburista Konrad Mizzi għadu ma rritornax lejn Malta.

Azzopardi allega li Mizzi wettaq atti ta’ korruzzjoni mhux biss f’Malta imma anke fil-Montenegro u li dan m’għamlux wahdu imma ma’ tliet persuni oħra. Żied jgħid li dan kollu joħroġ minn PQs li hu għamel dwar iż-żjarat ta’ Mizzi fil-Montenegro bħala Ministru għall-Enerġija.

Hu qal li l-Ministru Konrad Mizzi kien ħa miegħu l-Montenegro lill-avukat tiegħu, li skont Azzopardi hu l-iktar pajjiż korrott fl-Ewropa u li l-PM tiegħu ġie vvutat bħala l-iktar Prim Ministru korrott fid-dinja fl-2015.

Azzopardi għadda biex ta elenku ta’ ċirkostanzi li jpoġġu lil Mizzi f’Montenegro f’sitt okkażjonijiet mill-15 ta’ Settembru 2014 sat-13 ta’ Novembru 2015. Hu qal li jumejn qabel l-aħħar żjara fil-Montenegro f’dan il-perjodu, inzerta jumejn wara li l-Gvern iffirma l-ftehim bejn l-Enemalta u l-Montenegro fuq il-bini tal-wind farms, bl-Enemalta tpoġġi €1.5 miljun f’garanziji bankarji. Dr Azzopardi qal li fit-2 ta’ Diċembru tal-istess sena jiġifieri xahar wara, Karl Cini minn Nexia BT ta struzzjonijiet lil Adrian Dixon biex jiftaħ dawk iż-żewġ kontijiet fil-Panama.

Azzopardi temm jgħid li hu ndikattiv ukoll li l-aħħar żjara barra minn Malta ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru kienet il-Montenegro.

Hu saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela jrid iwieġeb u jgħid għaliex qed jgħatti lil Mizzi.