Konnessjoni Maltija: pittura ta’ San Ġorġ Preca fil-grotta ta’ Lourdes

Fuq l-ewwel titjira skedata tal-Air Malta lejn Lourdes, ittellgħet fuq l-ajruplan il-pittura ta’ San Ġorġ Preca li saret mill-pittur Għawdxi Manuel Farrugia.

Għal dan is-sajf, l-Air Malta nediet servizz skedat ta’ darbtejn fil-ġimgħa għal  Lourdes fi Franza. L-Air Malta qalet li dawn it-titjiriet lejn il-belt Franċiża qed isiru f’kollaborazzjoni ma’ Britannia Tours kull nhar ta’ Tnejn u Ġimgħa.

L-Air Malta qalet li din it-titjira inawgurali tfisser il-bidu ta’ vjaġġ importanti għall-Komunità Kristjana Maltija.

Bħala parti minn dan l-ewwel tour lejn Lourdes, saret ukoll purċissjoni immexxija mill-Isqof Awżiljarju Joe Galea Curmi u membri tas-soċjetà tal-MUSEUM ta’ Malta li ġarrew pittura u relikwa ta’ San Ġorg Preca.

L-Air Malta qalet  li qed tippjana li ġġorr mas-6,300 passiġġier fuq 21 titjira. Kull min iżur Lourdes jista’ wkoll jara x’joffri r-reġjun tal-Pirenej u huwa l-bieb għat-Tramuntana ta’ Spanja.

Qabel dan is-sajf, l-Air Malta kienet topera rotot minn u lejn Lourdes fuq bażi chartered.