“Konna żrajna siġra tar-rand fil-ħamrija tal-monument” – attivista fil-Qorti

Attivista ta’ Occupy Justice qalet fil-Qorti kif qabel ma kien beda x-xogħol ta’ restawr fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir, kienet ġiet miżruha siġra tar-rand fil-ħamrija ta’ mad-dawra tal-monument.

Anne Demarco kienet qed tixhed fil-każ kostituzzjonali li fetaħ il-blogger Manuel Delia kontra l-Gvern dwar l-allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-ħelsien tal-espressjoni. Dan wara li għal xhur twal, il-fjuri, ix-xemgħat u anke l-istrixxuni li twaħħlu bħala simbolu ta’ protesta għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tneħħew repetutament minn mad-dawra tal-monument.

Fix-xhieda tagħha, Demarco sostniet li hi żżur il-monument minn tal-inqas darbtejn kuljum sabiex tpoġġi l-fjuri u x-xemgħat. Qalet li qabel it-8 ta’ Diċembru, jiġifieri qabel ma l-monument ingħalaq minħabba r-restawr, dawn l-oġġetti li kienu jpoġġu l-persuni b’rispett għall-ġurnalista kienu jitħallew hemm għal madwar xahar. Madanakollu wara din il-ġurnata l-oġġetti bdew jineħħew ftit tas-sigħat wara li jitpoġġew.

“Oġġetti li xtrajt jiena personali sparixxew mill-mafkar” – Aquilina

Il-Membru Parlamentari Karol Aquilina xehed ukoll fil-Qorti u spjega kif kien hemm oġġetti li xtara u poġġa quddiem il-monument hu stess f’Marzu li għadda u li sparixxew. Spjega kif aktar tard ħareġ min kienu l-persuni li kienu neħħew dawn l-oġġetti li tpoġġew b’rispett għall-ġurnalista assassinata, madanakollu sostna li ma ttieħdu l-ebda passi kontrihom.

Jixhed ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt

Fost ix-xhieda kien hemm ukoll il-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt Christoph Schwaiger li qal kif fil-15 ta’ Settembru twaqqaf milli jagħmel xogħlu billi jieħu filmat ta’ ħaddiema tat-tindif pubbliku li kienu qed jaqilgħu strixxun minn mal-barrieri li kienu ttelgħu mad-dawra tal-monument. Spjega kif uffiċjal tad-diviżjoni żammlu idu u l-mowbajl tiegħu biex jieqaf jieħu l-filmati. Qal ukoll li l-każ intemm mingħajr vjolenza.

Il-każ se jkompli jinstema’ fi Frar li ġej.