Konna wisq kalmi fl-ewwel taqsima – Heynckes

Wara t-telfa xokkanti ta’ 2-1 kontra Borussia Monchenglabach, il-kowċ ta’ Bayern Munich Jupp Heynckes tkellem mas-sit tal-klabb u ta l-opinjoni tiegħu dwar dan ir-riżultat xejn mixtieq.
“Tlifna l-partita fl-ewwel taqsima meta ftit ħloqna ċansijiet ta’ skor. Konna kalmi wisq, xejn ma konna veloċi u ma kellna l-ebda ritmu,” beda biex qal il-kowċ tal-klabb mill-Bavarja. 
“Fit-tieni taqsima konna tajjeb, kien hemm tim wieħed fil-grawnd iżda Borussia ħadu vantaġġ mill-arma tal-kontrattakk u fl-uniċi attakki illi tellgħu kisbu din ir-rebħa.”
“Huma kien ferm intelliġenti hekk kif imbagħad intefgħu fuq wara u minkejja l-attakki kollha tagħna, ma rnexxilniex ninfduhom,” temm jgħid Heynkes.
Fil-logħba li ntlagħbet fil-Borussia Park kienu żewġ gowls ta’ Thorgan Hazard u Matthias Ginter fi spazju ta’ ħames minuti illi taw vantaġġ lit-tim minn Gladbach sabiex imbagħad kien Arturo Vidal illi fetaħ xaqq ta’ tama għal Bayern Munich.
Madankollu huma ma rnexxielhomx iġibu l-iskor indaqs meta d-difiża ta’ BorussiaMonchengladbach żammet sod u kkundannat lil Bavariżi għat-tieni telfa fil-kampjonat. 
Ta’ konsolazzjoni għal Heynkes kien illi huma baqgħu fl-ewwel post tal-klassifika tliet punti vantaġġ fuq Leipzig.