Konna se nintefgħu taħt trailer – mara b’raġel bl-Alzheimer’s fil-Messiku

Mara li kienet qed tieħu ħsieb lir-raġel tagħha li kellu l-Alzheimer’s rrakkontat l-istorja tagħha dwar kif kienet se tintefa’ taħt trailer miegħu biex ittemm it-tbatija tagħhom. Il-każ ġara fil-Messiku.

L-Istat ta’ Guerrero għandu 3,533,251 persuni jgħixu fil-faqar. L-irġiel jiżżewġu meta jkollhom 17-il sena filwaqt li n-nisa jiżżewġu meta jkollhom 15. F’xi każijiet huma l-ġenituri li jagħżlu min se jiżżewweġ lil min.

Guerrero – Google Maps

Fl-2008 il-psikologu Guadalupe Ponce Ozuna kiteb l-esperjenza ta’ mara ta’ 52 sena li kienet tgħix mar-raġel tagħha li kellu 55. Ir-raġel kellu d-dimenzja.

“Meta r-raġel beda jintilef fil-belt, in-nies bdew iwassluħ lura d-dar, għax kollha nafu lil xulxin. Jien indunajt li kienet qed tiġrilu xi ħaġa.”

Qalet li beda jgħajjat u jistaqsiha min hi. Ħaseb li kienet ommu u beda jsejħilha b’kull isem ħlief b’dak li kien tagħha. Ħaditu għand iċ-ċentru tas-saħħa qrib fejn kienet toqgħod. Hemm qalulha li għandu marda rari u li kellha bżonn tieħdu fi sptar akbar.

Il-mara biegħet id-dar tagħha biex ikollha biżżejjed flus biex tieħu lir-raġel tagħha l-isptar Fray Bernardino f’Mexico City.

Qalet li marret f’diversi sptarijiet imma ħadd ma qalilha xejn. Xi ħadd qalilha biex tmur għand piskjatra partikolari f’Acapulco. Dan qalilha li r-raġel kellu l-Alzheimer’s u li ma kienx se jfieq. Ta parir biex ma tonfoqx aktar flus u tmur lura d-dar. Iddeskriviela x’kien se jiġri lir-raġel tagħha.

“Mort għand it-tifla u kont imdejqa ħafna. Dakinhar ma rqadt xejn. Bqajt naħseb dwar x’qalli t-tabib. Ir-raġel ma kien se jkun jaf xejn aktar dwar ħajtu. Kif kont se nkampa? Ma kellix dar fejn ngħix miegħu u kelli ngħix mat-tifla li kienet miżżewġa. Iddispjaċieni għar-raġel tagħha.”

“Wara 10 ijiem, ħadt id-deċiżjoni li kont se nieħdu fil-highway u kont se nintefa’ taħt ir-roti ta’ trailer – l-akbar wieħed li nsib – flimkien mar-raġel, għax ma kontx se niflaħ inkampa b’dak kollu li kien se jinqala’.”

Spjegat kif dakinhar qamet kmieni biex tnaddaf id-dar biex meta jmutu, in-nies ikunu jistgħu jorganizzaw vġili għalihom. Qalet li waqt li kienet qed tnaddaf it-television kien mixgħul. Ġurnalist kien qed jistaqsi mara li kienet fit-triq x’riedet. Din appellat lin-nies biex jixtru l-affarijiet tal-ikel li kienet qed tbigħ. Dan biex ikollha l-flus biex titma’ lir-raġel tagħha li kien marid u lit-tifel tagħha li kellu diżabilità.

Il-mara dak il-ħin staqsiet lilha nnifisha kif ma kellhiex kuraġġ daqs il-mara l-oħra. Talbet maħfra lil Alla u minn dakinhar ħalfet li tieħu ħsieb lir-raġel sakemm ikun hemm bżonn.

Il-mara qalet li ma torqodx u li tinkwieta ħafna għax trid taħdem biex tkun tista’ titimgħu.

Skont il-psikologu Guadalupe Ponce Ozuna, ir-raġel baqa’ jgħix 10 snin oħra sakemm miet fl-2010. Il-mara tiegħu kellha ħafna problem fis-saħħa tagħha u llum tbati mis-smigħ minħabba incident tat-traffiku. Il-psikologu qal li hija mara tas-solidarjetà u hi filantropika.

Din l-istorja hija parti minn rapport imħejji mill-għaqda Alzheimers Disease International (ADI). Skont l-isħarriġ tal-għaqda, tnejn minn kull tliet persuni fid-dinja jaħsbu li d-dimenzja tiġi b’mod normali meta wieħed jibker fl-età.

X’inhi d-dimenzja?