“Konna qisna f’film”; Inżul ta’ emerġenza fi Frankfurt

It-titjira ta’ Ryanair li minn Frankfurt kellha tasal Bari tard ilbieraħ filgħaxija kellha tagħmel inżul ta’ emerġenza fi Frankfurt stess ftit aktar minn nofsiegħa wara li telqet mill-istess ajruport.

Passiġġier li tkellem mal-midja Taljana spjega li kienet esperjenza kera u kif ħassewhom jinsabu f’film. Jirrakkonta li l-isforzi tal-bdot li jniżżel l-ajruplan mingħajr inċidenti kienu ta’ suċċess.

“Inħoloq paniku,” enfasizza l-passiġġier, “kien hemm nies jibku.” Spjega li fost il-passiġġieri, bdiet għaddejja diċerija li ġrat xi ħaġa fil-magna, b’oħrajn qalu li nħarqet xi parti mill-ajruplan. Spjega kif hu kien ra li biċċa mill-ajruplan kien ġralha l-ħsara iżda l-hostess avżathom biex ma jgħidu xejn lill-oħrajn u biex jibqgħu kalmi.

It-titjira FR5214 telqet minn Frankfurt ftit qabel is-7pm u kellha tasal fl-ajruport ta’ Bari għall-ħabta tad-9pm. Ġara li kif bdew tilgħin, il-bdoti ndunaw li r-roti flimkien mal-apparat ta’ nżul ma kienux reġgħu daħlu f’posthom kif suppost u wasslu biex kien hemm ħsara fil-ġwienaħ tal-ajruplan.