“Konna nlaħħqu 10 f’ġurnata; issa 7 biss” – garaxx tal-VRT

Read in English.

Operaturi tal-garaxxijiet li jagħmlu t-testijiet tal-VRT jinsabu urtati ferm minħabba li l-ispiża tagħhom se tikber waqt li d-dħul se jibqa’ l-istess.

Ix-xahar li għadda, il-Gvern ħabbar li fit-testijiet tal-Vehicle Roadworthiness Test (VRT) se jkun hemm żieda ta’ bejn 20% u 40% fl-intensità.

Ma’ Newsbook.com.mt, operatur ta’ wieħed mill-garaxxijiet saħaq li kull test se jieħu aktar żmien biex isir. Fisser li fejn qabel f’ġurnata kien ilesti 10 karozzi, issa se jkun jista’ jlesti sebgħa biss.

Kompla jgħid li dan ifisser li huma se jkollhom jinvestu f’aktar apparat u makkinarju, filwaqt li t-test se jieħu iktar ħin biex isir. Fisser li l-apparat li jittestja d-dawl ta’ wħud mill-karozzi jiswa €6,000.

L-operatur enfasizza li l-Gvern għandu jrattab rasu u jżid il-finanzjament lill-garaxxijiet minħabba dan it-tibdil.

Ix-xahar li għadda l-GRTU flimkien mal-garaxxijiet tal-VRT saħqu mal-Gvern li għalkemm it-tibdiliet huma essenzjali għas-sigurtà fit-triq, il-prezz għandu jiżdied mill-aktar fis. Fakkru li ilhom bl-istess qligħ għal dawn l-aħħar 20 sena.

It-tibdiliet huma relatati mar-riżultat li tirċievi, aktar infurzar fuq dawk il-vetturi li jipproduċu emmissjonijiet għoljin u test aġġornat għad-dwal tal-vetturi.

Laqgħat bejn il-GRTU u l-Gvern

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kemm il-GRTU kif ukoll il-Gvern ikkonfermaw li qed isiru laqgħat dwar din il-kwistjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU Abigail Mamo qalet li diġà kellhom laqgħa mal-Ministru għat-Trasport Ian Borg dwar il-prezzijiet. Żiedet tgħid li mistenni jkun hemm aktar laqgħat fil-ġimgħat li ġejjin biex jintlaħaq ftehim.

“Min mejjet għall-qatra u min mejjet fis-sakra”

Ma’ Newsbook.com.mt operatur ieħor spjega kif inġustament hemm min hu mejjet għall-qatra, waqt li oħrajn mejtin fis-sakra.  Spjega li l-garaxxijiet tal-VRT żdiedu tul is-snin. Madanakollu rrimarka li filwaqt li wħud ma jlaħħqux mad-domanda, oħrajn bil-kemm ikollhom żewġ karozzi f’ġurnata. Allega li dan minħabba li m’hemmx biżżejjed kontroll min-naħa tal-awtoritajiet dwar l-istandards. Appella lill-Gvern biex ma jagħlaqx għajnejh għal dan l-abbuż.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU qalet li ġieli jirċievu lmenti li wħud mill- garaxxijiet ikunu kwieti aktar minn oħrajn għax jimxu mal-istandards u anke li wħud huma aktar laxki minn oħrajn.