“Konna diġà wissejna lill-kumpanija fuq il-karru” – Festivals Malta

Luke Zerafa

Read in English.

Festivals Malta qalet li qabel ma dehru rapporti fil-midja, hija kienet diġà wissiet lill-kumpanija li ħolqot karru għall-Karnival li jorbot lil-Arċisqof Charles Scicluna u lid-Dar San Ġużepp mal-abbuż tat-tfal dwar l-aspetti defamatorji tiegħu.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, Festivals Malta qalet li l-isketch li ġiet preżentatha lilha ma kellhiex ċerti dettalji li dehru fil-karru issa li “ikomplu jżidu l-element defamatorju.”

Għaldaqstant, il-karru mhuwiex se jitħalla jipparteċipa fil-Karnival din is-sena. Dan qalu wkoll il-Ministru għall-Arti u l-Wirt Nazzjonali Jose Herrera f’kummenti lil Newsbook.com.mt meta sejjaħ il-karru “insensittiv” kemm lejn l-Arċisqof u anke lejn it-tfal li joqogħdu f’dik ir-residenza.

Festivals Malta ddiżassoċjat ruħha mill-elementi li sejħet “defamatorji.” Sostniet li temmen bis-sħiħ fl-espressjoni kulturali u artistika, u tagħraf li m’għandux ikun hemm barrieri li jxekklu l-kreattività. Temmet tgħid li, “Madankollu għalkemm l-artisti llum igawdu mil-libertà tal-espressjoni bla preċedent, fl-istess waqt il-parametri tal-liġijiet għandhom dejjem jiġu osservati u rispettati.”

Dan il-karru qajjem kontroversja u qala’ kritika minn bosta, fosthom mill-Arċisqof Charles Scicluna, mill-Fondazzjoni Sebħ u mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali (MASW). Dawn ilkoll urew il-fehma li dan il-karru jista’ jħalli impatt fuq it-tfal li joqogħdu fir-residenza Dar San Ġużepp. L-Arċisqof stqarr li dan il-karru mhuwiex xieraq u lanqas hu postu f’post ta’ ferħ li għalih jattendu ħafna tfal.