“Konklużjonijiet qarrieqa mill-OSCE” – Il-BA

L-Awtorità tax-Xandir ta’ Malta (BA) qalet li qed tikkontesta u tirrifjuta “l-konklużjonijiet qarrieqa” ppubblikati mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) rigward l-ħidma tal-BA waqt il-kampanja elettorali bejn l-1 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju tal-2017.

Il-BA kienet qed tirreaġixxi għar-rapport li ħejjiet l-OSCE dwar l-elezzjoni ġenerali f’Malta ta’ Ġunju tal-2017. Il-BA bagħtet ittra lis-Segretarju Ġenerali tal-OSCE Thomas Greminger.

Skont ir-rapport tal-OSCE ppubblikat fid-9 ta’ Ottubru tal-2017,  il-BA ma ssegwix ir-rappurtaġġ tal-midja b’mod attiv imma taġixxi meta jsir ilment. Il-BA ċaħdet din l-allegazzjoni u qalet li saret skeda apposta biex l-uffiċjali tagħha jsegwu r-rappurtaġġ.

Ir-rapport tal-OSCE jgħid li ma ngħatawx multi waqt l-aħħar kampanja elettorali. Il-BA qalet li ħarġet tliet multi u ħames twissijiet. Fi kliem il-BA, azzjoni tittieħed ukoll kontra stazzjonijiet privati u mhux biss fil-konfront tal-PBS. Il-BA qalet ukoll li apparti minn hekk, irċeviet disa’ ilmenti li ħadet azzjoni dwarhom f’inqas minn 24 siegħa.

“Ir-rapport tal-OSCE irrapporta kompletament ħażin l-irwol tal-BA waqt l-perjodu elettorali tal-2017 u ppreżenta stampa skoraġġanti dwar il-qafas legali tal-midja tax-xandir”. Il-BA qalet li qatt ma ġiet ikkuntattjata minn xi uffiċjal tal-OSCE. L-Awtorità saħqet ukoll ma tafx min huma dawk il-kelliema tal-BA li allegatament tkellmu mal-OSCE li ġew ikkwotati fir-rapport.

Il-BA qalet li tistenna li l-OSCE tqassam “verżjoni li tgħid il-verità” dwar il-ħidma tal-istess Awtorità waqt il-kampanja elettorali.