​Konkluża l-investigazzjoni dwar il-kumment tal-PD fuq Facebook

L-investigazzjoni indipendenti li fetaħ il-Partit Demokratiku (PD) dwar “incident” fuq Facebook fejn ittellgħet post li rreferiet għas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli bħala “village escort” ġiet konkluża.
Fi stqarrija, il-PD qal li l-Bord indipendenti appuntat biex jinvestiga l-każ kien magħmul minn Jo Caruana, Dr Lizzie Eldridge, u Dr Michael Zammit Maempel.
Il-Partit qal li se jimplimenta strutturi ġodda u jipprovdi taħriġ lit-tim tiegħu biex jassigura li inċident bħal dan ma jerġax iseħħ.
Saħaq li “l-kumment  ittella’ minn persuna waħda mit-tim tal-midja soċjali. Il-kumment tħassar hekk kif saru jafu bih il-membri l-oħra, li ndunaw immedjatament li kien kumment deplorabbli. Il-Partit ħareġ apoloġija uffiċjali dakinhar stess, u nieda l-investigazzjoni indipendenti fl-istess ħin.”
L-investigaturi sabu li l-kumment innifsu kien riżultat ta’ aġir impulsive. L-investigaturi indikaw li l-PD għandu bżonn itejjeb l-istrutturi amministrattivi u jimplimenta proċessi ċari biex jassigura li ħaġa bħal din ma tkunx tista’ terġa’ tiġri. Barra minn hekk, ġie rrakkomandat li jingħata taħriġ lill-membri tat-tim tal-midja.
L-Eżekutiv tal-Partit Demokratiku għamel apoloġija għall-’post’ li ttelgħet fuq Facebook. Il-Partit Laburista qal li t-tgħajjir ta’ deputati tal-oppożizzjoni fil-konfront ta’ Farrugia Portelli huwa kundanabbli u tal-mistħija għal min għamlu.