Konkluż ir-rapport tal-kumitat dwar il-liġijiet tal-kostruzzjoni – Abela

PL

Il-kumitat tekniku li nħatar mill-PM Robert Abela biex issir reviżjoni tal-liġijiet tal-kostruzzjoni lesta r-rapport tiegħu.

Dan intqal minn Abela fuq l-istazzjon nazzjonali llejla.

“Il-kumitat ikkonkluda r-rapport tiegħu,” ħabbar Abela li żied jgħid li l-messaġġ tiegħu mhuwiex favur il-kostruzzjoni bla rażan. Però qal li dan huwa settur importanti speċjalment fi żmien meta s-settur tat-turiżmu ntlaqat mill-pandemija tal-coronavirus.

Abela kien ħabbar li ħatar dan il-kumitat f’Marzu. Dan sar wara li mietet Miriam Pace meta kkollasat id-dar tagħha li kienet tmiss ma’ sit tal-kostruzzjoni.

Il-kumitat li ħatar Abela huwa magħmul mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano, Dr Adrian Mifsud (lecturer), il-Perit Mario Cassar (espert tal-Qorti), u Dr Mark Simiana (avukat).

Il-kumitat kellu jevalwa l-industrija tal-kostruzzjoni u jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu malajr kemm jista’ jkun.

Il-familja ta’ Miriam Pace ngħaqdet mat-talba li saret għal inkjesta pubblika dwar l-istess inċident.

F’nota, l-avukat tal-familja, David Bonello, qal li l-familja Pace qed tappoġġja s-sejħa għall-inkjesta pubblika u tistenna li jsiru t-taħdidiet u l-konsultazzjonijiet neċessarji mar-rappreżentanti legali tal-istess familja, Dr Joseph Giglio u Dr David Bonello, rigward il-kompożizzjoni tal-istess bord.