Konfużjoni dwar il-ftuħ tal-fruntieri madwar Spanja

REUTERS/Jon Nazca

Spanja ċaħdet il-possibilità li se tiftaħ il-fruntieri fuq l-art tagħha nhar it-22 ta’ Ġunju, wara li ministru tal-gvern ħabbar dan aktar kmieni nhar il-Ħamis, aħbar li wasslet għal konfużjoni fil-pajjiż ġar tal-Portugall, li talab għal aktar kjarifiki.

Il-fruntieri ma’ Franza u l-Portugall ilhom magħluqa għall-parti l-kbira tan-nies minn nofs Marzu,  wara li Spanja imponiet lockdown nazzjonali biex twaqqaf il-frixa tal-coronavirus meta l-pajjiż beda jaffaċċja dik li kienet waħda mill-agħar tifqigħat tal-virus fid-dinja.

Kelliem għall-gvern f’Madrid qal li l-pjan għall-ftuħ tal-fruntieri kien għadu qed jiġi diskuss u li għad iridu jsiru diskussjonijiet ma’ Franza u mal-Portugall, għall-kuntrarju tar-rimarki li kien għamel il-Ministru għat-Turiżmu Reyes Maroto aktar kmieni fil-ġurnata.

Matul telefonata mal-ġurnalisti, Maroto kien qal:

“Fil-każ ta’ Franza u l-Portugall, nixtieq nikkonferma li mit-22 ta’ Ġunju se jitneħħew ukoll ir-restrizzjonijiet fuq it-trasport fuq l-art. Dan huwa pass importanti għax b’hekk se nkunu nistgħu nerġgħu nibdew nilqgħu xi turisti, kemm Franċiżi kif ukoll mill-Portugall, fuq ir-rotot fuq l-art.”

Meta ġie mistoqsi jekk il-persuni li jaqsmu l-fruntieri biex jidħlu fi Franza jew il-Portugall wara t-22 ta’ Ġunju kienx se jkollhom josservaw kwarantina ta’ 14-il jum li bħalissa hija fis-seħħ, Maroto qal li t-tneħħija tar-restrizzjoni ta’ kwarantina kienet għad trid tiġi approvata.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Portugiż Augusto Santos Silva qal li kien sorpriż bil-kummenti ta’ Maroto, u talab lil Spanja tipprovdi kjarifika. “Naturalment, se jkun il-Portugall li jiddeċiedi dwar il-ftuħ tal-fruntiera Portugiża,” huwa qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet Lusa.

Aktar tard, il-ministeru ta’ Maroto ħareġ stqarrija bħala kjarifika, fejn qal li l-kontrolli mal-fruntieri kienu se jiġu estiżi għal wara l-21 ta’ Ġunju, u li t-turiżmu internazzjonali kien se jerġa’ jiftaħ fl-1 ta’ Lulju, mingħajr ma spjega direttament x’kien se jiġri mal-fruntieri ta’ Franza u l-Portugall.

Spanja rreġistrat 240,326 każ tal-coronavirus u 27,128 persuna tilfu ħajjithom.