Konfiskati aktar minn tunnellata tabakk tax-xixa minn ħanut f’San Ġwann

Id-Dipartiment tad-Dwana kkonfiska 1,700 kilogrammi tat-tabakk tax-xixa minn ħanut ta’ barbier f’San Ġwann.

Fi stqarrija, id-Dwana qalet li waqt il-vaganzi tal-Milied kienet involuta fi tliet każijiet separati.

Ilbieraħ wara diversi sigħat ta’ osservazzjoni d-dwana kkonfiskat 1.7 tunnellata tabakk tax-xixa li fuqhom ma kienx hemm taxxa mħallsa. F’maħżen maġenb il-ħanut instabu 52 master cases mimlijin b’tabakk tax-xixa. Huwa stmat li t-taxxi dovuti kienu jammontaw għal madwar €65,000. Skont id-dwana xi nies għandhom jittellgħu l-Qorti b’rabta mal-każ.

Fis-Siġġiewi Uffiċjali tad-Dwana spezzjonaw żewġ garaxxijiet tal-istess persuna u elevaw 7,600 sigaretti tal-kuntrabandu.

F’każ separat, ġie sekwestrat vending machine tas-sigaretti minn bar f’Ħal Luqa wara li nstab li kien qed ibigħ sigaretti ogħla mill-prezzijiet stipulati mingħajr avviż viżibbli skont il-liġi. Is-sid irrifjuta li jiftaħ il-vending machine u l-uffiċjali allura elevaw il-magna.

Il-Pulizija assistiet lid-Dipartiment tad-Dwana.