Konfermi ġodda dwar min kien wara l-attakki ta’ Pariġi

Il-Prim Ministru Franċiż, Manuel Valls, iddikjara li l-attakki tal-Ġimgħa filgħaxija f’Pariġi ġew organizzati mis-Sirja.
Qal li l-awtoritajiet jemmnu li hemm attakki terroristiċi oħra li qed jiġu ppjanati fi Franza u pajjiżi oħra Ewropej.
d-dikjarazzjoni ta’ Valls waslet hekk kif żewġ terroristiċi oħra ġew identifikati, wara l-ħamsa li kienu identifikati fi tmiem il-ġimgħa.
Wieħed minnhom hu Franċiż ta’ 26 sena, meqjus bħala suspettat kruċjali, u li kien miżmum mill-Pulizija ftit biss wara l-attakki imma reġa’ nħeles. Issa għaddejja tfittxija għalih madwar l-Ewropa kollha.
L-ieħor hu Abdelhamid Abaaoud, imwieled il-Belġju, u li skont il-Franċiżi, kien il-moħħ wara l-attakki tal-Ġimgħa.
Abaaoud kien magħruf mal-Pulizija tant li jeżistu diversi files dwaru flimkien ma’ Ibrahim Abdeslam, ħu dak li qed jiġi mfittex madwar l-Ewropa u li kien wieħed mill-attakkanti suwiċida li sploda lilu nnifsu barra l-kafeterija nhar il-Ġimgħa.
Dan li hu meqjus bħala l-moħħ tal-attakki, kellu x’jaqsam mal-attentat imfixkel fuq ferrovija minn Amsterdam għal Pariġi f’Awwissu li għadda, u ma’ student ieħor Franċiż akkużat bi qtil u reati ta’ terrur.
Dalgħodu wkoll ġie kkonfermat li wieħed mit-terroristi li għamlu l-attakki suwiċida – dak ta’ barra l-grawnd tal-futbol – kien fil-fatt dak li, ix-xahar li għadda, wasal fil-Greċja bħala refuġjat. Il-konferma ħarġet wara li marki tas-swaba’ minn idejn l-attakkant, qablu ma’ dawk irreġistrati fil-Greċja.
Fis-7 t’Ottubru, Ahmed Al Mohammed kien reġistrat bħala refuġjat fil-gżira Griega ta’ Leros, wara li wasal fiha erbat ijiem qabel, u fl-istess jum qasam il-Maċedonja u daħal fis-Serbja.
Sadattant, ajruplani Franċiżi attakkaw il-belt Sirjana ta’ Raqqa, meqjusa bħala fortizza tal-Istat Iżlamiku. Valls qal li Franza qed tissielet kontra “armata” mhux “grupp” terroristiku.