Konfermati l-erba’ kandidati għall-Presidenza tal-FIFA

Il-President attwali Sepp Blatter, l-eks attakant Portugiż Luis Figo, il-president tal-Federazzjoni Olandiża Michael van Praag u l-Prinċep tal-Ġurdan Ali Bin Al-Hussein, huma l-erba’ kandidati għall-presidenza tal-FIFA.
L-erba’ li huma se jkunu verifikati formalment mill-kumitat tal-etika tal-FIFA qabel ma jkunu formalment dikjarati bħala kandidati.
Il-Franċiż Jerome Champagne li kien membru fl-eżekuttiv tal-FIFA bejn l-1999 u l-2010, ma kkontestax bħala l-ħames kandidat, wara li ma sabx appoġġ minn tal-inqas ħames assoċjazzjonijiet nazzjonali.
Blatter li għandu 78 sena, se jkun qed jikkontesta l-ħames mandat wara li ilu fit-tmexxija sa mill-1988.
Huwa mistenni li jkun hu l-favorit, fejn mistenni jġib il-biċċa l-kbira tal-voti mill-Ażja, l-Afrika u l-Amerika t’Isfel.
Il-UEFA li għandha 53 mill-209 voti, għadha ma ddikjaratx liema kandidat se tappoġġa.
L-elezzjoni għall-Presidenza tal-FIFA mistennija ssir nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Mejju f’Zurich, fl-Iżvizerra.