Konfermati d-dati tal-istrajk tal-bdoti tar-Ryanair

Il-bdoti ta’ Ryanair ibbażati fir-Renju Unit u li jiffurmaw parti mill-Assoċċazzjoni tal-Piloti Brittaniċi (Balpa) se jistrajkaw fl-iktar perjodu popolari tal-ivjaġġar minħabba tilwima industrijali b’rabta mal-pagi.

Balpa qalet li ħabbret tilwima industrijali wara li l-kumpanija tal-ajru ma għamlitx progress waqt id-diskussjonijiet rigward il-pagi tal-bdoti tagħha. Fi stqarrija Balpa qalet li 80% tal-bdoti vvutaw favur li jsir strajk.

Ryanair sostniet li l-istrajk għandu -appoġġ ta’ inqas minn 30% tal-bdoti Ingliżi tagħha, meta wieħed jikkunsidra wkoll dawk li mhumiex membri ta’ Balpa. Il-kumpanija tal-ajru żiedet tgħid li s-sena l-oħra l-bdoti Ingliżi tagħha qablu għal żieda ta’ 20%, li żiedet il-paga tagħhom għal €195,000.

Id-dettalji tal-istrajk tħabbru tard il-Ħamis, fejn ġie konfermat li l-istrajk se jsir fuq erbat ijiem minn nofsillejl nhar it-22 ta’ Awwissu sa’ sbieħ l-24 ta’ Awwissu. It-tieni parti tal-istrajk se jsir bejn it-2 u l-4 ta’ Settembru li ġej, bl-istess ħinijiet.