Konfermati 7 snin ħabs għan-nanna li abbużat lit-tifel li rabbiet

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza ta’ seba’ snin ħabs li kienet ingħatat nanna li abbużat min-neputi tagħha stess. Sena ilu, il-Qorti tal-Maġistrati kienet semgħet kif it-tifel l-ewwel kien ġie abbużat sesswalment minn zijuh u iżjed tard minn nanntu.

Ma’ twelidu, it-tifel kien ġie afdat biex jitrabba man-nanniet tiegħu billi kien twieled barra ż-żwieġ. Kien biss wara li l-missier Libjan tiegħu ġie lura Malta u ħa l-kustodja ta’ ibnu, li bdew joħorġu l-allegazzjonijiet tat-tifel dwar l-abbuż. Ibnu kellu 10 snin u l-missier induna meta ibnu misslu idejh b’mod intimu. Hawnhekk ħareġ kif it-tifel kien ilu jiġi abbużat għal madwar tliet snin.

Il-missier irrappurta l-każ mal-ewwel mal-awtoritajiet u iktar tard it-tifel irrakkonta kif zijuh kien iġiegħlu jara miegħu films pornografiċi u jieħu sehem f’atti sesswali mat-tifel. Ftit wara, it-tifel ipprova l-istess azzjonijiet intimi ma’ nanntu, fejn għall-ewwel kienet irrifjutatu, iżda wara n-nanna kompliet bl-azzjonijiet sesswali mat-tifel.

Meta tat is-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li l-mara ma kinitx biss in-nanna tat-tifel, iżda kellha wkoll ir-rwol matern billi kien afdat magħha sa minn twelidu. Għalhekk il-qorti ikkonkludiet li l-azzjonijiet taghħa kienu iktar gravi u l-konsegwenzi fuq it-tifel kienu aktar ta’ ħsara.

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza ħabs għan-nanna u rrikmandat li tinżamm fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli.